Ġożwè
14 L-Iżraelin ħadu l-wirt tagħhom fl-art taʼ Kangħan. Dan irċivewh mingħand Elegħażar il-qassis, Ġożwè bin Nun, u l-kapijiet tal-familji tat-tribujiet t’Iżrael. 2 Wirthom tqassam bix-xorti, bħalma kien ikkmanda Ġeħova permezz taʼ Mosè għad-disaʼ tribujiet u nofs. 3 Mosè kien ta liż-żewġ tribujiet u nofs l-oħrajn il-wirt tagħhom in-naħa l-oħra* tal-Ġordan, u lil-Leviti ma tahomx wirt fosthom. 4 Dawk li jiġu minn Ġużeppi kienu jitqiesu żewġ tribujiet, dak taʼ Manasse u t’Efrajm. Huma ma tawx sehem lil-Leviti mill-art, ħlief bliet fejn jgħixu u l-art taʼ madwarhom għall-imrieħel tan-nagħaġ u l-baqar tagħhom. 5 Għalhekk, l-Iżraelin qassmu l-art bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
6 Imbagħad l-irġiel taʼ Ġuda resqu lejn Ġożwè f’Gilgal. U Kaleb bin Ġefunne l-Keneżi, li kien magħhom, qallu: “Int taf sew dak li Ġeħova qal dwari u dwarek f’Kades-barnegħa lil Mosè, il-qaddej tal-Alla l-veru. 7 Kelli 40 sena meta Mosè l-qaddej taʼ Ġeħova bagħatni minn Kades-barnegħa biex nitkixxef x’fiha l-art, u mort lura għandu b’rapport onest.* 8 Għalkemm ħuti li telgħu miegħi ġiegħlu l-poplu jaqtaʼ qalbu, jien imxejt wara Ġeħova l-Alla tiegħi b’qalbi kollha.* 9 Dakinhar, Mosè ħalef billi qal: ‘L-art li mxejt fuqha se ssir wirt għalik u għat-tfal tiegħek għal żmien twil, għax int imxejt wara Ġeħova l-Alla tiegħi b’qalbek kollha.’ 10 Bħalma wiegħed, Ġeħova żammni ħaj dawn il-45 sena mindu Ġeħova għamel din il-wegħda lil Mosè meta Iżrael mexa fid-deżert. U llum jien għandi 85 sena. 11 Għadni b’saħħti daqs dakinhar li bagħatni Mosè. Saħħti hi bħalma kienet dakinhar, kemm għall-gwerra u kemm għal attivitajiet oħra. 12 Għalhekk, agħtini dan ir-reġjun muntanjuż li Ġeħova wegħedni dakinhar. Għalkemm dakinhar int smajt li kien hemm l-Għanakin bi bliet iffortifikati kbar, Ġeħova żgur* se jkun miegħi, u jien inkeċċihom* bħalma wiegħed Ġeħova.”
13 B’hekk, Ġożwè bierek lil Kaleb bin Ġefunne u tah Ħebron bħala wirt. 14 Huwa għalhekk li Ħebron saret taʼ Kaleb bin Ġefunne l-Keneżi bħala wirt sal-lum, għax hu mexa wara Ġeħova l-Alla t’Iżrael b’qalbu kollha. 15 Qabel, isem Ħebron kien Kirjat-arba (Arba kien l-iktar raġel importanti fost l-Għanakin). U ma kienx hemm gwerer fl-art.