Isaija
34 Ġnus, ejjew viċin ħalli tisimgħu,
U intom il-popli, oqogħdu attenti.
Ħa tismaʼ l-art u kulma fiha,
Id-dinja u kull ħaġa li tgħix fiha.
2 Għax Ġeħova hu rrabjat għall-ġnus kollha,
U hu inkorlat għall-armati kollha tagħhom.
Hu se jeqridhom għalkollox;
Se joqtolhom.
3 Il-maqtulin tagħhom se jintremew,
U l-intiena tal-iġsma mejtin tagħhom se tkun kullimkien;
Il-muntanji se jinħallu minħabba d-demm* tagħhom.
4 L-armata kollha tas-sema se titħassar,
U s-sema se tiġi mgerba bħal skroll.
L-armata kollha tagħhom se tinxef u taqaʼ,
Bħalma werqa niexfa taqaʼ mid-dielja
U tina niexfa mis-siġra tat-tin.
5 “Għax fis-sema x-xabla tiegħi se tkun mimlija bid-demm.
Biha se nagħmel ġudizzju fuq Edom,
Fuq il-poplu li jien irrid neqred għalkollox.
6 Jien, Ġeħova, għandi xabla; din se tkun miksija bid-demm.
Se tkun miksija bix-xaħam,
Bid-demm tal-imtaten żgħar u l-bdabad,
Bix-xaħam tal-kliewi tal-imtaten.
Għax jien, Ġeħova, se nagħmel sagrifiċċju f’Bosra
U qatla kbira fl-art t’Edom.
7 Il-barrin slavaġ se jinżlu magħhom,
Il-barrin żgħar mal-barrin kbar u b’saħħithom.
L-art t’Edom se tkun imxarrba għasra bid-demm,
U t-trab tagħha se jkun mgħarraq bix-xaħam.”
8 Għax Ġeħova għażel jum biex jagħmel vendetta mill-għedewwa tiegħu,
Għażel sena biex jikkastiga lin-nies li għamlu l-ħsara lil Sijon.
9 Ix-xmajjar tagħha* se jinbidlu f’żift,
It-trab tagħha f’kubrit,*
U l-art tagħha se ssir bħal żift jaqbad.
10 Din mhux se tintefa, la billejl u lanqas binhar;
Id-duħħan tagħha se jibqaʼ tielaʼ għal dejjem.
Se tibqaʼ mħarbta minn ġenerazzjoni għal oħra;
Ħadd mhu se jgħaddi minnha għal dejjem taʼ dejjem.
Alla se jkejjilha b’ħabel tal-kejl u b’lenza biċ-ċomb
Biex juri li se ssir vojta u ma tiswa xejn.
12 M’hemm ħadd min-nies importanti tagħha li se jsir re,
U l-mexxejja kollha tagħha se jiġu fix-xejn.
13 Fit-torrijiet iffortifikati tagħha se jitlaʼ x-xewk,
U fil-fortizzi tagħha l-ħurrieq u l-għollieq.
Se ssir post fejn jinħbew il-klieb slavaġ
U post fejn jgħix in-ngħam.*
14 L-annimali tad-deżert se jiltaqgħu mal-annimali li jgħajtu,
U l-mogħoż slavaġ* se jgħajtu lil xulxin.
Iva, hemmhekk il-buqrajq* jissetilja u jsib post taʼ mistrieħ.
15 Hemmhekk is-serp se jagħmel il-bejta tiegħu, ibid,
Ifaqqas il-bajd, u jipproteġi liż-żgħar.
Iva, hemmhekk se jinġabru l-isqra, kull seqer mas-sieħba tiegħu.
16 Fittxu fil-ktieb taʼ Ġeħova u aqrawh b’leħen għoli:
L-ebda wieħed minnhom mhu se jonqos;
Ħadd minnhom mhu se jkun mingħajr is-sieħba,
Għax hu Ġeħova li ta l-kmand,
U l-ispirtu tiegħu li ġabarhom flimkien.
Dan se jkun tagħhom għal dejjem;
Se jibqgħu jgħixu fih, jgħaddi kemm jgħaddi żmien.