Eżekjel
24 U l-kelma taʼ Ġeħova kompliet tiġi għandi fid-disaʼ sena, fl-għaxar xahar, fl-għaxar jum tax-xahar, tgħid: 2 “Bin il-bniedem, ikteb l-isem tal-ġurnata, tal-ġurnata taʼ llum. Is-sultan taʼ Babilonja ntefaʼ kontra Ġerusalemm illum.+ 3 U int lissen qawl dwar id-dar ribelluża,+ u għid dwarhom,
“‘Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova: “Poġġi l-borma l-kbira fuq in-nar; poġġiha, u ferraʼ l-ilma ġo fiha.+ 4 Iġbor il-biċċiet+ tal-laħam fiha, kull biċċa tajba, il-koxxa u l-ispalla; imlieha bl-aħjar għadam. 5 Ħu l-aħjar nagħaġ,+ u agħmel ukoll munzell ħatab f’ċirku taħtha. Għalli l-biċċiet tal-laħam, u sajjar l-għadam taʼ ġo fiha.”’”+
6 “Għaldaqstant, hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova, ‘Gwaj għall-belt tat-tixrid taʼ demm,+ il-borma l-kbira mimlija sadid li ma jinqalax! Oħorġu l-laħam biċċa biċċa;+ m’għandhiex tintefaʼ x-xorti għalihom.+ 7 Għax id-demm li xerrdet qiegħed f’nofsha.+ Qegħditu fuq il-wiċċ ileqq u għeri tal-blat. Ma sawbitux maʼ l-art, sabiex tgħattih bit-trab.+ 8 Id-demm li xerrdet jien qegħedtu fuq il-wiċċ ileqq u għeri tal-blat, sabiex ma jkunx mgħotti,+ u biex tqum il-korla ħalli nagħmel vendetta.’+
9 “Għaldaqstant, hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova, ‘Gwaj għall-belt tat-tixrid taʼ demm!+ Tabilħaqq, jien stess se nkabbar il-munzell.+ 10 Żid il-ħatab. Kebbes in-nar. Għalli l-laħam sew. Battal il-brodu, u ħalli l-għadam jisħon ferm. 11 Qegħedha vojta fuq il-ġamar tagħha sabiex issir taħraq; u r-ram aħmar tagħha jsir jikwi, u n-nuqqas taʼ ndafa tagħha jdub f’nofsha.+ Ħa jintemm is-sadid tagħha.+ 12 X’taħbit! X’kedda tat! Imma l-ħafna sadid tagħha xorta ma jridx jinqalaʼ.+ Għal ġon-nar bis-sadid b’kollox!’
13 “‘Kien hemm kondotta laxka fin-nuqqas taʼ ndafa tiegħek.+ Għalhekk kelli nnaddfek, imma int ma tnaddaftx min-nuqqas taʼ ndafa tiegħek.+ M’intix se tindaf iżjed sakemm inserraħ il-korla li għandi għalik.+ 14 Jien, Ġeħova, tkellimt.+ Dan se jseħħ,+ u jien se naġixxi. M’iniex se nħalli l-affarijiet għaddejjin,+ u la se tiġini ħasra+ u lanqas jiddispjaċini.+ Skond triqatek u skond l-għemejjel tiegħek se jiġġudikawk,’+ hija l-kelma tal-Mulej Sovran Ġeħova.”
15 U l-kelma taʼ Ġeħova kompliet tiġi għandi, tgħid: 16 “Bin il-bniedem, se nagħtik daqqa+ u niħodlok il-ħaġa sabiħa+ f’għajnejk, u m’għandekx tħabbat fuq sidrek, lanqas m’għandek tibki jew jaqbiżlek id-dmugħ.+ 17 Tniehed bla kliem. Tagħmilx vistu għall-mejtin.+ Orbot l-għata fuq rasek,+ u ilbes is-sandli f’saqajk.+ U tgħattix il-mustaċċi,+ u tikolx ħobż mingħand in-nies.”+
18 U kellimt lin-nies fil-għodu, u marti mietet sa fil-għaxija. Għalhekk, fil-għodu għamilt eżatt bħalma ġejt kmandat. 19 U n-nies qaluli: “M’intix se tgħidilna x’għandhom x’jaqsmu magħna dawn l-affarijiet li qed tagħmel?”+ 20 Imbagħad għedtilhom: “Il-kelma taʼ Ġeħova ġiet għandi, tgħid, 21 ‘Għid lil dar Israel: “Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova, ‘Ara, qed nipprofana s-santwarju tiegħi,+ il-kburija taʼ saħħitkom,+ il-ħaġa sabiħa f’għajnejkom+ u l-ħaġa li ruħkom tagħder, u wliedkom subien u bniet li intom ħallejtu warajkom—bis-sejf se jaqgħu.+ 22 U se jkollkom tagħmlu bħalma għamilt jien. Il-mustaċċi ma tgħattuhomx,+ u ma tiklux ħobż mingħand in-nies.+ 23 U l-għata tar-ras tkun fuq raskom, u s-sandli f’saqajkom. Ma tħabbtux fuq sidirkom u lanqas tibku,+ u jkollkom titmermru fl-iżbalji tagħkom,+ u tokorbu bejnietkom.+ 24 U Eżekjel sar għalikom sinjal.+ Skond kulma għamel hu, hekk se tagħmlu intom. Meta dan iseħħ,+ intom se jkollkom tkunu tafu li jien il-Mulej Sovran Ġeħova.’”’”+
25 “U inkwantu għalik, O bin il-bniedem, dakinhar li niħdilhom il-fortizza, il-ħaġa kollha ġmiel li jifirħu biha, il-ħaġa sabiħa f’għajnejhom+ u x-xenqa taʼ ruħhom, uliedhom subien u bniet,+ 26 dakinhar ma jiġix għandek wieħed maħrub li jsemmaʼ l-aħbar lil widnejk?+ 27 Dakinhar fommok jinfetaħ mal-wasla tal-maħrub,+ u titkellem u ma tibqax mutu;+ u ssir għalihom sinjal,+ u se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.”+