Ġeremija
12 Ġeħova meta ngħidlek dak li qed idejjaqni,
U anki meta nitkellem dwar il-ġudizzji tiegħek, int tittrattani b’mod ġust.
Imma l-ħżiena għala qed jirnexxu?
U t-tradituri għala m’għandhomx inkwiet?
2 Int ħawwilthom u huma qabbdu l-għeruq.
Kibru u taw il-frott.
Huma spiss jitkellmu dwarek, imma qalbhom* hi ’l bogħod minnek.
3 Imma int tafni sew u tarani, Ġeħova;
Int eżaminajtli qalbi u taf li jien leali lejk.
Agħżilhom bħal nagħaġ għall-qatla
U warrabhom għall-ġurnata li se toqtolhom.
4 Kemm se jdum jinxef il-pajjiż
U l-ħaxix tal-għelieqi kollha jmut?
L-annimali u l-għasafar inqerdu
Minħabba l-ħażen taʼ dawk li jgħixu fih.
Għax huma qalu: “Hu mhux qed jara x’se jiġrilna.”
5 Jekk tegħja tiġri man-nies,
Kif se ttellaq maż-żwiemel?
Int tħossok fis-sigurtà f’art fejn hemm il-paċi,
Imma x’se tagħmel meta tkun ġol-ħafna siġar li hemm mal-Ġordan?
6 Għax anke ħutek stess, il-familja tiegħek,
Qarrqu bik.
Huma għajtu miegħek.
Tafdahomx, lanqas jekk jgħidulek kliem tajjeb.
7 “Jien abbandunajt it-tempju tiegħi; tlaqt il-wirt tiegħi.
Jien tajt lill-għażiża tiegħi* f’idejn l-għedewwa tagħha.
8 Hi, il-wirt tiegħi, saret għalija bħal iljun fil-foresta.
Hi għajtet miegħi.
U jien spiċċajt nobgħodha.
9 Hi, il-wirt tiegħi, saret għalija bħal għasfur tal-priża kollu kuluri;
L-għasafar tal-priża l-oħra daruha u attakkawha.
Bhejjem kollha, ejjew inġabru,
Ejjew kulu.
10 Ħafna ragħajja qerduli l-għalqa tad-dwieli;
Huma għaffġu fuq l-art li ngħatatli bħala sehem.
Huma ġabuli din l-art sabiħa bħal deżert abbandunat.
L-art kollha saret abbandunata,
Imma ħadd ma ħa dan bis-serjetà.
12 Dawk li jeqirdu ġew minn kull passaġġ fid-deżert,
Għax ix-xabla taʼ Ġeħova qed teqred in-nies minn naħa s’oħra tal-pajjiż.
Ħadd m’għandu l-paċi.
13 Huma żergħu l-qamħ, imma ħasdu x-xewk.
Għejjew lilhom infushom jaħdmu, imma għalxejn.
Ġeħova rrabjat ħafna magħhom
U mhux se jtihom x’jaħsdu.
Dan se jġegħelhom jistħu.”
14 Ġeħova hekk jgħid kontra l-ġirien ħżiena tiegħi li qed jattakkaw l-art li tajt bħala wirt lill-poplu tiegħi Iżrael: “Jien se naqlagħhom mill-art tagħhom, u jien se naqlaʼ l-poplu taʼ Ġuda minn fosthom. 15 Imma wara li naqlagħhom jien se nerġaʼ nħenn għalihom u nġib lil kull wieħed minnhom lura u nagħtih il-wirt u l-art tiegħu.”
16 “Dawn il-popli għallmu lill-poplu tiegħi jaħilfu b’Bagħal. Jekk dawn il-popli jagħmlu ċert li jitgħallmu jgħixu bħall-poplu tiegħi u jaħilfu bija, Ġeħova l-Alla l-ħaj, huma se jkollhom post mal-poplu tiegħi. 17 Imma jekk wieħed minnhom ma jobdix, jien se naqilgħu u neqirdu wkoll,” jgħid Ġeħova.