L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel
13 Sawl kellu . . .* sena meta sar re, u mexxa għal sentejn fuq Iżrael. 2 Imbagħad Sawl għażel 3,000 raġel minn Iżrael; 2,000 minnhom kienu maʼ Sawl f’Mikmax u fir-reġjun muntanjuż taʼ Betel u 1,000 kienu maʼ Ġonatan f’Gibegħa taʼ Benjamin. Il-bqija tan-nies bagħathom lejn it-tinda tagħhom. 3 Imbagħad Ġonatan rebaħ lill-grupp taʼ suldati Filistin li kien f’Geba, u l-Filistin semgħu b’dan. U Sawl daqq il-qarn mal-art kollha u qal: “Ħa jisimgħu l-Lhud!” 4 Iżrael kollu semaʼ l-aħbar: “Sawl għeleb grupp taʼ suldati Filistin, u b’hekk il-Filistin saru jobogħdu ħafna lil Iżrael.” Għalhekk, in-nies ġew miġburin biex imorru wara Sawl f’Gilgal.
5 Il-Filistin ukoll inġemgħu flimkien biex jiġġieldu kontra Iżrael. Huma kellhom 30,000 karru tal-gwerra, 6,000 rikkieb taż-żwiemel, u suldati daqs ir-ramel f’xatt il-baħar. Huma telgħu kontra Iżrael u kkampjaw f’Mikmax lejn il-Lvant taʼ Bet-awen. 6 U l-irġiel t’Iżrael raw li kienu fl-inkwiet għax kienu f’sitwazzjoni stressanti. Għalhekk, staħbew fl-għerien, fil-ħofor, fil-blat, fil-kantini, u fil-ġwiebi. 7 Xi Lhud saħansitra qasmu l-Ġordan lejn l-art taʼ Gad u Gilegħad. Imma Sawl kien għadu Gilgal, u n-nies kollha li kienu warajh kienu qed jirtogħdu bil-biżaʼ. 8 Hu baqaʼ jistenna sebat ijiem saż-żmien li ftiehem maʼ* Samwel, imma Samwel ma marx Gilgal, u n-nies bdew jitilqu minn maʼ Sawl. 9 Fl-aħħar Sawl qal: “Ġibuli s-sagrifiċċju tal-ħruq u s-sagrifiċċji tal-paċi.” Imbagħad offra s-sagrifiċċju tal-ħruq.
10 Imma malli offra s-sagrifiċċju tal-ħruq, wasal Samwel. Għalhekk, Sawl ħareġ jilqgħu u jbierku. 11 Imbagħad Samwel qallu: “X’għamilt?” Sawl wieġeb: “Rajt li n-nies kienu qed jitilquni, u int ma ġejtx fiż-żmien li ftehemna, u l-Filistin kienu qed jinġemgħu f’Mikmax. 12 Għalhekk għedt bejni u bejn ruħi, ‘Issa l-Filistin jinżlu kontrija f’Gilgal, u jien ma nkunx tlabt għall-għajnuna taʼ Ġeħova.’ Għalhekk, ħassejtni obbligat li noffri s-sagrifiċċju tal-ħruq.”
13 U Samwel qal lil Sawl: “Aġixxejt taʼ iblah. M’obdejtx il-kmandament li tak Ġeħova l-Alla tiegħek. Kieku obdejt, Ġeħova kien jissoda saltnatek fuq Iżrael għal dejjem. 14 Imma issa saltnatek ma ddumx. Ġeħova se jsib raġel għal qalbu, u Ġeħova jinkarigah bħala mexxej fuq il-poplu tiegħu, għax int m’obdejtx dak li kkmandak Ġeħova.”
15 Imbagħad Samwel telaq minn Gilgal u telaʼ lejn Gibegħa taʼ Benjamin. Sawl għadd in-nies, u kien għad baqaʼ miegħu madwar 600 raġel. 16 Sawl, ibnu Ġonatan, u n-nies li kien għad baqaʼ magħhom qagħdu f’Geba taʼ Benjamin. U l-Filistin kienu kkampjaw f’Mikmax. 17 Mill-kampijiet tal-Filistin kienu joħorġu tliet gruppi biex jattakkaw. Grupp wieħed kien idur lejn it-triq li tagħti għal Għofra, għall-art taʼ Sugħal, 18 grupp ieħor kien idur lejn it-triq taʼ Bet-ħoron, u t-tielet grupp kien idur lejn it-triq li tagħti għall-fruntiera li tħares lejn il-wied taʼ Sebogħim, lejn id-deżert.
19 Issa ma kienx hemm ħaddied fl-art kollha t’Iżrael, għax il-Filistin kienu qalu: “Sabiex il-Lhud ma jagħmlux xabla jew lanza.” 20 U l-Iżraelin kollha kellhom jinżlu għand il-Filistin biex isinnu s-sikka tal-moħriet, iz-zappuna, il-mannara, jew il-minġel tagħhom. 21 Huma kellhom iħallsu pim* biex isinnu s-sikka tal-moħriet, iz-zappun, il-furkettun, u l-mannara, jew biex jirranġaw in-niggieża tal-barrin. 22 U fil-jum tal-battalja ħadd min-nies li kienu maʼ Sawl u Ġonatan ma kellu xabla jew lanza. Sawl u ibnu Ġonatan biss kellhom l-armi.
23 Issa grupp taʼ suldati* Filistin kien ħareġ lejn il-passaġġ kollu rdum taʼ Mikmax.