Esdra
6 F’dan iż-żmien, ir-Re Darju ta kmand, u ġew iċċekkjati r-rekords fil-post fejn kienu jinżammu l-affarijiet prezzjużi f’Babilonja. 2 U nstab skroll fil-post iffortifikat f’Ekbatana, fl-art* tal-Medja, li fih kien hemm miktub dan il-messaġġ:
3 “Fl-ewwel sena li beda jmexxi, Ċiru ta dan il-kmand dwar id-dar t’Alla f’Ġerusalemm: ‘Ħa terġaʼ tinbena d-dar fejn il-Lhud joffru s-sagrifiċċji, u l-pedamenti tagħha għandhom jitqiegħdu f’posthom. Din għandha tkun għolja 60 kubitu* u wiesgħa 60 kubitu. 4 Il-ħitan tagħha għandu jkollhom tliet filati ġebel kbir u filata njam. L-ispejjeż għandhom jitħallsu mill-flus tar-re. 5 Barra minn hekk, ir-reċipjenti tad-deheb u l-fidda li Nebukadnessar kien ħareġ mit-tempju t’Alla f’Ġerusalemm u ħadhom f’Babilonja, għandhom jittieħdu lura f’posthom fid-dar t’Alla f’Ġerusalemm.’
6 “Għalhekk, nikkmanda lilek Tattenaj il-gvernatur tar-reġjun tan-naħa l-oħra tax-Xmara* u lil Setar-bożnaj u lil sħabkom il-gvernaturi minuri taʼ dak ir-reġjun biex ma tmorrux f’dak il-post. 7 Tindaħlux fix-xogħol li qed isir fuq id-dar t’Alla. Il-gvernatur u l-anzjani* tal-Lhud se jerġgħu jibnu din id-dar t’Alla fil-post fejn kienet. 8 Iktar minn hekk, jien qed nagħti kmand dwar x’għandkom tagħmlu għal dawn l-anzjani tal-Lhud biex jerġgħu jibnu din id-dar t’Alla: Ħudu l-flus mill-post fejn jinżammu t-teżori tar-re, jiġifieri mit-taxxa li tinġabar mir-reġjun tan-naħa l-oħra tax-Xmara, u agħtuhom malajr lil dawn l-irġiel biex jibqgħu għaddejjin bix-xogħol. 9 U għandkom tagħmlu ċert li jum wara l-ieħor tagħtu kulma l-qassisin f’Ġerusalemm jgħidulkom li għandhom bżonn: barrin żgħar,* imtaten, u ħrief għall-offerti tal-ħruq għall-Alla tas-sema, u anki qamħ, melħ, inbid, u żejt. 10 B’hekk huma jkunu jistgħu jippreżentaw kontinwament offerti li jogħġbu lill-Alla tas-sema u jitolbu biex ir-re u t-tfal tiegħu jkollhom ħajja twila. 11 Tajt ukoll kmand li jekk xi ħadd jikser din il-liġi, jinqalaʼ travu mid-dar tiegħu u hu jiġi mdendel miegħu, u daru ssir latrina pubblika.* 12 U jalla l-Alla li għażel dan il-post għal ismu jneħħi lil kull re u poplu li ma jobdix dan il-kmand u li jipprova jeqred id-dar t’Alla f’Ġerusalemm. Jien, Darju, nagħti dan il-kmand. Ħa jsir mill-ewwel.”
13 Imbagħad Tattenaj il-gvernatur tar-reġjun tan-naħa l-oħra tax-Xmara u Setar-bożnaj u sħabhom għamlu mill-ewwel kulma kien ikkmanda r-Re Darju. 14 U l-anzjani tal-Lhud komplew jibnu u jagħmlu progress għax ġew inkuraġġiti mill-profeziji taʼ Ħaggaj u taʼ Żakkarija li nannuh kien Iddo. Huma lestew il-bini bħalma kkmandawhom l-Alla t’Iżrael, Ċiru, Darju, u r-Re Artaserse tal-Persja. 15 Huma lestew id-dar fit-tielet jum tax-xahar taʼ Adar,* fis-sitt sena tat-tmexxija tar-Re Darju.
16 Imbagħad l-Iżraelin, il-qassisin, il-Leviti, u l-bqija taʼ dawk li qabel kienu lsiera f’Babilonja inawguraw* bil-ferħ din id-dar t’Alla. 17 Għall-inawgurazzjoni tad-dar t’Alla offrew 100 barri, 200 muntun, u 400 ħaruf. U bħala offerta għad-dnub għal Iżrael kollu offrew 12-il bodbod, skont kemm hemm tribujiet t’Iżrael. 18 Huma inkarigaw il-qassisin fil-gruppi tagħhom u l-Leviti fit-taqsimiet tagħhom għas-servizz t’Alla f’Ġerusalemm, bħalma hemm miktub fil-ktieb taʼ Mosè.
19 U dawk li qabel kienu lsiera ċċelebraw il-Qbiż fl-14 tal-ewwel xahar. 20 Il-qassisin u l-Leviti kollha kienu tnaddfu. Huma qatlu l-annimali għas-sagrifiċċju tal-Qbiż għal dawk kollha li qabel kienu lsiera, għal sħabhom il-qassisin, u għalihom infushom. 21 Imbagħad l-Iżraelin li ġew lura minn Babilonja kielu minnhom. Kielu wkoll dawk kollha li kienu ngħaqdu magħhom u li waqfu jagħmlu l-affarijiet mhux nodfa tal-popli tal-art biex jaqdu* lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael. 22 Ukoll, komplew jiċċelebraw bil-ferħ il-Festa tal-Ħobż bla Ħmira għal sebat ijiem. Dan għamluh għax Ġeħova għenhom ikunu ferħanin u ġiegħel lir-re tal-Assirja juri qalb tajba magħhom. B’hekk ir-re għenhom* fix-xogħol tad-dar tal-Alla l-veru, l-Alla t’Iżrael.