Ħaggaj
1 Fl-ewwel ġurnata tas-sitt xahar tat-tieni sena tat-tmexxija tar-Re Darju, Ġeħova tkellem permezz tiegħi, il-profeta Ħaggaj,* maʼ Żerubbabel il-gvernatur taʼ Ġuda li hu t-tifel taʼ Saltijel, u maʼ Ġożwè l-qassis il-kbir li hu t-tifel taʼ Ġeħosadak. Hu qalilhom:
2 “Ġeħova tal-armati jgħid, ‘Dawn in-nies jgħidu: “Għadu mhux iż-żmien biex jinbena* t-tempju* taʼ Ġeħova.”’”
3 U Ġeħova reġaʼ tkellem permezz tiegħi, il-profeta Ħaggaj, u qal: 4 “Taħsbu li hu ż-żmien li intom tgħixu fi djar sbieħ, waqt li dan it-tempju hu ħerba? 5 Ġeħova tal-armati jgħid, ‘Aħsbu sew dwar dak li qed tagħmlu. 6 Intom żrajtu ħafna, imma taħsdu ftit. Tieklu, imma ma tixbgħux. Tixorbu, imma m’għandkomx biżżejjed inbid. Tilbsu, imma ma tisħnux. Il-ħaddiem jitfaʼ l-paga f’basket mimli toqob.’”
7 “Ġeħova tal-armati jgħid, ‘Aħsbu sew dwar dak li qed tagħmlu.’
8 “Ġeħova jgħid, ‘Itilgħu fuq il-muntanja, ġibu l-injam, u ibnuli t-tempju, ħalli jien nieħu pjaċir bih u nkun igglorifikat.’”
9 “Ġeħova tal-armati jgħid, ‘Intom kontu qed tistennew ħafna, imma ħsadtu ftit. U meta ħadtu dak li ħsadtu d-dar, jien tajjartu ’l hemm. Jien għamilt hekk, għax it-tempju tiegħi hu ħerba, imma intom moħħkom biex tieħdu ħsieb id-djar tagħkom. 10 Għalhekk, m’għamlitx nida mis-sema, u l-art ma tatx dak li ġie miżrugħ. 11 Jien bqajt inġib nixfa fuq l-art u l-muntanji, u b’hekk kien hemm nuqqas taʼ ċereali,* inbid, żejt, u ħaxix. Intom u l-imrieħel tagħkom qed tbatu, u x-xogħol iebes li qed tagħmlu hu għalxejn.’”
12 Żerubbabel it-tifel taʼ Saltijel, Ġożwè l-qassis il-kbir li hu t-tifel taʼ Ġeħosadak, u l-bqija tal-poplu, semgħu minn Ġeħova l-Alla tagħhom u dak li għedt jien, il-profeta Ħaggaj, għax kien Ġeħova l-Alla tagħhom li bagħatni. Il-poplu beda jibżaʼ minħabba l-messaġġ taʼ Ġeħova.
13 Imbagħad jien, il-messaġġier taʼ Ġeħova, tajt dan il-messaġġ lill-poplu fi qbil maʼ dak li ġejt inkarigat minn Ġeħova: “‘Jien magħkom, poplu tiegħi,’ jgħid Ġeħova.”
14 Għalhekk, Ġeħova inkuraġġixxa lil Żerubbabel il-gvernatur taʼ Ġuda li hu t-tifel taʼ Saltijel, lil Ġożwè l-qassis il-kbir li hu t-tifel taʼ Ġeħosadak, u lill-bqija tal-poplu. U huma ġew u bdew jaħdmu fuq it-tempju taʼ Ġeħova tal-armati, l-Alla tagħhom. 15 Dan ġara fl-24 tas-sitt xahar tat-tieni sena tat-tmexxija tar-Re Darju.