Ġeremija
23 “Ħażin għar-ragħajja li qed jeqirdu u jxerrdu n-nagħaġ li nirgħa jien!” jgħid Ġeħova.
2 Għalhekk, Ġeħova l-Alla t’Iżrael jgħid hekk kontra r-ragħajja li qed jirgħaw lill-poplu tiegħu: “Intom xerridtu n-nagħaġ tiegħi. Komplejtu tferrxuhom u ma tajtux kashom.”
“Allura mhux se nagħti kaskom minħabba l-affarijiet ħżiena li qed tagħmlu,” jgħid Ġeħova.
3 “Imbagħad jien se niġbor flimkien lil min fadal min-nagħaġ tiegħi mill-pajjiżi kollha li xerridthom fihom, u se nerġaʼ nġibhom fl-art tagħhom. Huma se jkollhom it-tfal u jsiru ħafna. 4 Jien se nqiegħed fuqhom ragħajja li se jirgħawhom kif suppost. Huma mhux se jibqgħu jibżgħu jew jitwerwru, u ħadd minnhom mhu se jintilef,” jgħid Ġeħova.
5 “Se jiġi żmien meta npoġġi fuq it-tron dixxendent ġust* taʼ David,” jgħid Ġeħova. “Ir-re li se jmexxi se jkun għaqli u jagħmel is-sewwa u l-ġustizzja fil-pajjiż. 6 F’dak iż-żmien, Ġuda se jiġi salvat u Iżrael se jgħix fis-sigurtà. Hu se jissejjaħ: Ġeħova Hu s-Sewwa Tagħna.”
7 Ġeħova jgħid: “Imma ġej żmien li minflok jaħilfu bija, Ġeħova, bħala l-Alla l-ħaj li ħriġt lill-poplu t’Iżrael mill-art tal-Eġittu, 8 jibdew jaħilfu bija, Ġeħova, bħala l-Alla l-ħaj li ħriġt lill-poplu t’Iżrael mill-art tat-Tramuntana u mill-pajjiżi kollha fejn xerridthom, u huma se jgħixu fil-pajjiż tagħhom.”
9 Lill-profeti ngħidilhom:
Qalbi maqsuma.
L-għadam tiegħi kollu jitriegħed.
Jien bħal raġel fis-sakra
U bħal raġel li ħadu l-inbid,
Minħabba kif qed jiġi ttrattat Ġeħova u l-kliem qaddis tiegħu.
10 L-art mimlija b’dawk kollha li jagħmlu l-adulterju;
Minħabba s-saħta, l-art imdejqa u l-ħaxix fid-deżert nixef.
Huma jaġixxu b’mod ħażin u jabbużaw mill-awtorità tagħhom.
11 “Kemm il-profeti u anki l-qassisin huma apostati.*
Anki fid-dar tiegħi stess għamlu l-ħażen,” jgħid Ġeħova.
12 “Allura t-triq tagħhom se ssir tiżloq u mudlama;
Huma se jiġu mbottati u se jaqgħu.
Għax fis-sena li nitlob kont minnhom,
Jien se nara li jkollhom l-inkwiet,” jgħid Ġeħova.
13 “U lill-profeti tas-Samarija rajthom jagħmlu affarijiet diżgustanti.
Huma jipprofetizzaw f’isem Bagħal,
U jbiegħdu lill-poplu tiegħi, Iżrael, mit-triq it-tajba.
14 U lill-profeti taʼ Ġerusalemm rajthom jagħmlu affarijiet tal-biżaʼ.
Huma qed jagħmlu adulterju u jigdbu;
Jinkuraġġixxu lil* dawk li jagħmlu l-ħażen
U ma jiqfux jagħmlu dak li hu ħażin.
Għalija kollha huma bħal Sodoma,
U n-nies tagħha huma bħal Gomorra.”
15 Għalhekk, Ġeħova tal-armati hekk jgħid kontra l-profeti:
“Se nġegħelhom jieklu pjanta morra u jixorbu ilma vvelenat,
Għax il-profeti taʼ Ġerusalemm xerrdu l-apostasija mal-pajjiż kollu.”
16 Hekk jgħid Ġeħova tal-armati:
“Tisimgħux mill-profeti li qed jipprofetizzawlkom.
Huma qed iqarrqu bikom.*
Il-viżjonijiet li jgħidu ġejjin minn moħħhom,
Mhux minn Ġeħova.
17 Lil dawk li ma jirrispettawnix jibqgħu jgħidulhom,
‘Ġeħova qal: “Intom se jkollkom il-paċi.”’
U lil kull min b’ras iebsa jibqaʼ jagħmel dak li tixtieq qalbu, jgħidulu,
‘Mhux se jkollok inkwiet.’
18 Min hu fost in-nies qrib taʼ Ġeħova
Biex jismaʼ u jifhem dak li jgħid?
Min qagħad attent biex jismaʼ l-kelma tiegħu?
19 Ir-rabja taʼ Ġeħova se toħroġ bħal riefnu,
Bħal tempesta qawwija li tiġi fuq il-ħżiena.
20 Ġeħova se jibqaʼ rrabjat
Sakemm jagħmel u jwettaq dak li għandu f’moħħu.
Fl-aħħar parti tal-jiem, intom se tifhmu dan b’mod ċar.
21 Lill-profeti ma bgħatthomx, imma xorta ġrew.
Jien ma kellimthomx, imma xorta pprofetizzaw.
22 Imma kieku kienu fost in-nies li huma qrib tiegħi,
Kienu jġiegħlu lill-poplu tiegħi jismaʼ minni
U jdur lura mit-triq ħażina tiegħu u jieqaf jagħmel dak li hu ħażin.”
23 Ġeħova jgħid, “Jaqaw jien Alla biss meta nkun qrib tagħkom, u mhux meta nkun ’il bogħod ukoll?”
24 “Hemm xi ħadd li jistaʼ jinħeba fejn ma nistax narah?” jgħid Ġeħova.
“Jien nara kulma hemm fis-sema u fl-art,” jgħid Ġeħova.
25 “Smajt lill-profeti li qed jipprofetizzaw gideb f’ismi, jgħidu, ‘Kelli ħolma! Kelli ħolma!’ 26 Kemm ħa jdumu l-profeti jgħidu gideb? Huma jqarrqu minn qalbhom. 27 Huma jgħidu l-ħolm lil xulxin bl-intenzjoni li jġiegħlu l-poplu tiegħi jinsa lil ismi, bħalma missirijiethom insew lil ismi biex iqimu lil Bagħal. 28 Ħalli l-profeta li għandu ħolma jgħid il-ħolma, imma dak li għandu l-kelma tiegħi jgħid il-verità.”
“It-tibna x’inhi fejn il-qamħa?” jgħid Ġeħova.
29 “Mhijiex il-kelma tiegħi bħal nar u bħal martell li jkisser il-blat?” jgħid Ġeħova.
30 “Għalhekk, jien se nikkastiga lill-profeti li jgħawġu l-kliem tiegħi u jgħidu lin-nies dak li jridu huma,” jgħid Ġeħova.
31 “Jien se nikkastiga lill-profeti li jgħidu, ‘Alla jgħid!’” jgħid Ġeħova.
32 “Jien se nikkastiga lill-profeti li jgħidu ħolm falz u li jbiegħdu lill-poplu tiegħi mit-triq it-tajba minħabba l-gideb u l-ftaħir tagħhom,” jgħid Ġeħova.
“Imma jien la bgħatthom u lanqas ikkmandajthom. Allura ma jistgħux ikunu t’għajnuna għal dan il-poplu,” jgħid Ġeħova.
33 “U meta dan il-poplu, xi profeta, jew qassis jistaqsik, ‘X’inhi t-tagħbija* taʼ Ġeħova?’ int għandek twiġibhom, ‘“Intom it-tagħbija! U jien se nwarrabkom,” jgħid Ġeħova.’ 34 Lill-profeta, il-qassis, u l-poplu li jgħidlek, ‘Din hi t-tagħbija* taʼ Ġeħova!’ jien se nikkastiga lilu u lil taʼ daru. 35 Kull wieħed minnkom hekk qed jgħid lil sieħbu u lil ħuh, ‘Ġeħova x’wiġibkom? U Ġeħova x’qal?’ 36 Imma t-tagħbija* taʼ Ġeħova m’għandkomx issemmuha iktar, għax it-tagħbija taʼ kull wieħed hi dak li jgħid hu stess, u intom biddiltu dak li jgħid l-Alla l-ħaj, Ġeħova tal-armati, l-Alla tagħna.
37 “Lill-profeta hekk għandek tgħidlu, ‘Ġeħova x’wieġbek? U Ġeħova x’qallek? 38 U jekk tibqgħu tgħidu, “Din hi t-tagħbija* taʼ Ġeħova!” Ġeħova hekk jgħidilkom: “Talli tibqgħu tgħidu, ‘Dak li ngħidu hu t-tagħbija taʼ Ġeħova,’ wara li għedtilkom, ‘M’għandkomx tgħidu: “Din hi t-tagħbija taʼ Ġeħova!”’ 39 se nerfaʼ lilkom u lill-belt li tajt lilkom u lil missirijietkom, u nitfagħkom ’il bogħod minni. 40 U l-umiljazzjoni u d-diżunur li nġib fuqkom qatt mhu se jintesew.”’”