Ġeremija
7 Jien, Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova: 2 “Oqgħod fil-bieb tad-dar taʼ Ġeħova u xandar dan il-messaġġ, ‘Isimgħu dak li jgħid Ġeħova, intom in-nies kollha taʼ Ġuda li tidħlu minn dawn il-bibien biex tqimu lil Ġeħova. 3 Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael jgħid: “Irranġaw il-mod kif tgħixu u kif iġġibu ruħkom, u jien inħallikom tgħixu f’dan il-post. 4 Tafdawx fi kliem qarrieq u tgħidu: ‘Dan hu* t-tempju taʼ Ġeħova, it-tempju taʼ Ġeħova, it-tempju taʼ Ġeħova!’ 5 Għax jekk veru tirranġaw il-mod kif tgħixu u kif iġġibu ruħkom; jekk vera tagħmlu ġustizzja bejn in-nies; 6 jekk ma taħqrux lir-residenti barranin, l-orfni,* u n-nisa romol; jekk ma toqtlux lil xi ħadd innoċenti f’dan il-post; u jekk ma tqimux lil allat oħrajn bi ħsara għalikom infuskom, 7 imbagħad jien se nħallikom tibqgħu tgħixu f’dan il-post, fl-art li tajt lil missirijietkom għal dejjem.”’”*
8 “Imma intom qed tafdaw fi kliem qarrieq, li assolutament mhu se jkun t’ebda benefiċċju għalikom. 9 Taħsbu li tistgħu tisirqu, toqtlu, tagħmlu adulterju, taħilfu falz, tagħmlu sagrifiċċji* lil Bagħal, u tqimu allat oħrajn li ma kontux tafu, 10 u mbagħad tiġu quddiemi f’din id-dar li tissejjaħ b’ismi u tgħidu li se ssalvaw minkejja l-affarijiet moqżieża kollha li qed tagħmlu? 11 Jaqaw din id-dar li tissejjaħ b’ismi saret għar tal-ħallelin għalikom? Jien qed nara x’intom tagħmlu,” jgħid Ġeħova.
12 “‘Madankollu, issa morru fil-post tiegħi f’Silo, il-post li kont għażilt l-ewwel biex jiġi mfaħħar ismi, u araw x’għamiltlu minħabba l-ħażen tal-poplu tiegħi Iżrael. 13 Imma intom bqajtu tagħmlu dawn l-affarijiet kollha, u għalkemm kellimtkom għal darba wara l-oħra intom ma smajtux,’ jgħid Ġeħova. ‘Jien bqajt ngħajtilkom, imma intom ma wiġibtux. 14 Għalhekk, bħalma għamilt lil Silo, hekk se nagħmel lid-dar li tissejjaħ b’ismi li fiha qed tafdaw, u lil dan il-post li tajt lilkom u lil missirijietkom. 15 Se nkeċċikom minn quddiem għajnejja bħalma keċċejt lil ħutkom kollha, lil dawk kollha li jiġu minn Efrajm.’
16 “Imma int, Ġeremija, titlobx għal dan il-poplu. Tgħajjatlix biex ngħinhom, u titlobnix jew tissupplikani* għalihom, għax jien mhux se nisimgħek. 17 M’intix tara x’qed jagħmlu fil-bliet taʼ Ġuda u fit-toroq taʼ Ġerusalemm? 18 It-tfal qed jiġbru l-injam, il-missirijiet qed iqabbdu n-nar, u l-ommijiet qed jagħġnu l-għaġina biex jagħmlu ħobż taʼ sagrifiċċju għar-Reġina tas-Sema,* u qed iferrgħu offerti tax-xorb lil allat oħrajn biex joffenduni. 19 ‘Imma lili qed iweġġgħu?’* jgħid Ġeħova. ‘Huma qed iweġġgħu lilhom infushom, u se jkollhom jistħu.’ 20 Għalhekk, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* jgħid, ‘Jien se nferraʼ r-rabja u l-korla tiegħi fuq dan il-post, fuq in-nies u l-annimali, u fuq is-siġar u l-prodott tal-art. Ir-rabja tiegħi hi bħal nar li mhux se jintefa.’
21 “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘Mas-sagrifiċċji l-oħra tagħkom żidu l-offerti sħaħ tal-ħruq, u kulu l-laħam intom stess. 22 Għax dakinhar li ħriġt lil missirijietkom mill-art tal-Eġittu, jien la kellimthom u lanqas ikkmandajthom dwar l-offerti sħaħ tal-ħruq u s-sagrifiċċji. 23 Imma jien tajthom dan il-kmand: “Obdu dak li ngħid, u nsir l-Alla tagħkom u intom issiru l-poplu tiegħi. Għandkom tagħmlu dak kollu li nikkmandakom ħalli tirnexxu.”’ 24 Imma huma la semgħuni u lanqas taw kasi.* Minflok, b’ras iebsa għamlu dak li kienu jaħsbu huma* u dak li tixtieq qalbhom li hi ħażina, u marru lura u mhux ’il quddiem, 25 minn dakinhar li missirijietkom ħarġu mill-art tal-Eġittu sal-lum. Hu għalhekk li bqajt nibagħtilkom il-qaddejja kollha tiegħi l-profeti. Kont nibgħathom kuljum għal darba wara l-oħra. 26 Imma dan il-poplu ma riedx jismagħni u lanqas jagħti kasi. Minflok, kien rasu iebsa u aġixxa agħar minn missirijietu!
27 “Int se tgħidilhom dan kollu, imma mhux se jisimgħuk. Int se tgħajtilhom, imma mhux se jwiġbuk. 28 U int se tgħidilhom, ‘Dan hu l-poplu li ma jobdix dak li jgħid Ġeħova l-Alla tagħhom u li jirrifjuta li jaċċetta d-dixxiplina. M’hemm ħadd li hu leali, u l-lealtà lanqas biss tissemma fosthom.’
29 “Qaxxar ix-xagħar twil* tiegħek u armih ’l hemm, u fuq l-għoljiet li ma jitlaʼ xejn fuqhom semmaʼ għanja taʼ swied il-qalb, għax Ġeħova warrab lil dan il-poplu li ġiegħlu jirrabja ħafna, u se jabbandunah. 30 ‘Għax il-poplu taʼ Ġuda għamel dak li hu ħażin f’għajnejja,’ jgħid Ġeħova. ‘Huma qiegħdu l-idoli moqżieża tagħhom fid-dar li tissejjaħ b’ismi, sabiex iniġġsuha. 31 Huma bnew il-postijiet għoljin għal Tofet, li qiegħed fil-Wied taʼ Bin Ħinnom,* biex jaħarqu lis-subien u l-bniet tagħhom fin-nar, xi ħaġa li jien ma kkmandajthomx u li lanqas qatt m’għaddietli minn moħħi.’
32 “Ġeħova jgħid, ‘Għalhekk, ġej iż-żmien meta ma jibqax jissejjaħ Tofet jew il-Wied taʼ Bin Ħinnom,* imma l-Wied tal-Qatla. Huma se jidfnu f’Tofet sakemm ma jibqax iktar post fejn jidfnu. 33 U l-iġsma mejtin taʼ dan il-poplu se jsiru ikel għall-għasafar u għall-bhejjem, u ma jkun hemm ħadd biex ikeċċihom. 34 U fil-bliet taʼ Ġuda u fit-toroq taʼ Ġerusalemm se nwaqqaf il-ħoss taʼ ferħ kbir u tal-kuntentizza, u l-leħen tal-għarus u l-għarusa, għax il-pajjiż se jsir ħerba.’”