L-Aħbar Tajba Skont Mattew
1 Il-ktieb tal-istorja* dwar Ġesù Kristu,* dixxendent taʼ David, dixxendent taʼ Abraham:
2 Abraham kellu lil Iżakk;
Iżakk kellu lil Ġakobb;
Ġakobb kellu lil Ġuda u tfal oħra;
3 Ġuda kellu lil Pereż u lil Żeraħ minn Tamar;
Pereż kellu lil Ħesron;
Ħesron kellu lil Ram;
4 Ram kellu lil Għamminadab;
Għamminadab kellu lil Naħson;
Naħson kellu lil Salmon;
5 Salmon kellu lil Bogħaż minn Raħab;
Bogħaż kellu lil Għobed minn Rut;
Għobed kellu lil Ġesse;
6 Ġesse kellu lil David ir-re.
David kellu lil Salamun mill-mara taʼ Urija;
7 Salamun kellu lil Reħobogħam;
Reħobogħam kellu lil Abija;
Abija kellu lil Asa;
8 Asa kellu lil Ġeħosafat;
Ġeħosafat kellu lil Ġeħoram;
Ġeħoram kellu lil Użżija;
9 Użżija kellu lil Ġotam;
Ġotam kellu lil Aħaż;
Aħaż kellu lil Ħeżekija;
10 Ħeżekija kellu lil Manasse;
Manasse kellu lil Amon;
Amon kellu lil Ġosija;
11 Ġosija kellu lil Ġekonija u tfal oħra matul iż-żmien li ttieħdu f’Babilonja.
12 Wara li ttieħdu f’Babilonja, Ġekonija kellu lil Saltijel;
Saltijel kellu lil Żerubbabel;
13 Żerubbabel kellu lil Abijud;
Abijud kellu lil Eljakim;
Eljakim kellu lil Għażor;
14 Għażor kellu lil Sadok;
Sadok kellu lil Akim;
Akim kellu lil Eljud;
15 Eljud kellu lil Elegħażar;
Elegħażar kellu lil Mattan;
Mattan kellu lil Ġakobb;
16 Ġakobb kellu lil Ġużeppi r-raġel taʼ Marija, li kellha lil Ġesù, li jgħidulu Kristu.
17 Mela, minn Abraham sa David kien hemm 14-il ġenerazzjoni, minn David sakemm ittieħdu f’Babilonja kien hemm 14-il ġenerazzjoni, u minn mindu ttieħdu f’Babilonja sa żmien Kristu kien hemm 14-il ġenerazzjoni.
18 Dan hu dak li ġara qabel twieled Ġesù Kristu: Marija kienet għarusa lil Ġużeppi, imma qabel ma żżewġu, hi ħarġet tqila permezz tal-ispirtu qaddis* t’Alla. 19 Madankollu, peress li żewġha* Ġużeppi kien raġel sewwa u ma riedx jikxifha man-nies, hu kellu l-ħsieb li jiddivorzjaha bil-moħbi. 20 Imma wara li ħaseb dwar dan, deherlu l-anġlu taʼ Ġeħova* f’ħolma u qallu: “Ġużeppi bin David, tibżax tieħu lil martek Marija d-dar, għax hi ħarġet tqila* permezz tal-ispirtu qaddis. 21 Hi se jkollha tifel, u int għandek issemmih Ġesù,* għax hu se jsalva lin-nies mid-dnubiet tagħhom.” 22 Dan kollu ġara biex iseħħ dak li qal Ġeħova* permezz tal-profeta tiegħu: 23 “Il-verġni se toħroġ tqila u jkollha tifel, u huma jsemmuh Emmanuwel,” li meta jiġi tradott ifisser “Alla Hu Magħna.”
24 Imbagħad Ġużeppi qam mill-irqad u għamel bħalma kien qallu l-anġlu taʼ Ġeħova,* u ħa lil martu d-dar. 25 Imma hu ma kellux relazzjoni sesswali magħha sakemm kellha t-tifel, u hu semmieh Ġesù.