L-Aħbar Tajba Skont Mattew
4 Imbagħad l-ispirtu t’Alla ggwida lil Ġesù biex imur fid-deżert. Hemmhekk ġie ttantat mix-Xitan 2 wara li kien sam 40 jum* u kien bil-ġuħ. 3 U x-Xitan ipprova jwaqqgħu fit-tentazzjoni billi qallu: “Jekk int l-iben t’Alla, għid lil dan il-ġebel isir ħobż.” 4 Imma hu wieġbu: “L-Iskrittura tgħid li l-bniedem ma jgħixx bil-ħobż biss imma b’kull kelma li jgħid Ġeħova.”*
5 Imbagħad ix-Xitan ħadu fil-belt qaddisa, qiegħdu fuq l-iktar parti għolja tat-tempju, 6 u qallu: “Jekk int l-iben t’Alla, aqbeż għal isfel, għax fl-Iskrittura hemm miktub li Hu se jikkmanda l-anġli biex iġorruk ħalli ma taħbatx sieqek maʼ xi ġebla.” 7 Ġesù qallu: “Fl-Iskrittura hemm miktub ukoll biex ma tittestjax l-abbiltà li għandu Ġeħova* l-Alla tagħna.”
8 Wara, ix-Xitan ħadu fuq muntanja għolja ħafna, u wrieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-ġid tagħhom. 9 U qallu: “Dawn l-affarijiet kollha nagħtihomlok jekk int tinżel għarkopptejk quddiemi u tagħtini qima.”* 10 Imbagħad Ġesù qallu: “Itlaq ’l hemm Satana! Għax fl-Iskrittura hemm miktub: ‘Lil Ġeħova* l-Alla tiegħek għandek tqim, u lilu biss għandek taqdi.’” 11 Imbagħad ix-Xitan telaq minn ħdejh, u ġew l-anġli u bdew jieħdu ħsieb* lil Ġesù.
12 Meta Ġesù semaʼ li Ġwanni kien ġie arrestat, hu mar il-Galilija. 13 Wara li telaq minn Nazaret, hu mar joqgħod Kafarnahum ħdejn il-baħar fit-territorji taʼ Żebulun u Naftali. 14 B’hekk, hu setaʼ jagħmel dak li kien qal Alla permezz tal-profeta Isaija: 15 “Nies tal-artijiet taʼ Żebulun u Naftali, li tgħixu fit-triq li tagħti għall-baħar in-naħa l-oħra tal-Ġordan, il-Galilija tal-popli, 16 intom kontu fid-dlam u rajtu dawl kbir, u idda dawl fuq dawk li l-mewt kienet qisha dell fuqhom.” 17 Minn dakinhar, Ġesù beda jipprietka u jgħid: “Indmu għax is-Saltna t’Alla* hi qrib.”
18 Waqt li kien miexi ħdejn il-Baħar tal-Galilija, hu ra żewġ aħwa, lil Xmun li jgħidulu Pietru u lil Indrì. Dawn kienu qed jitfgħu xibka fil-baħar għax kienu sajjieda. 19 Hu qalilhom: “Ejjew warajja, u jien nagħmilkom sajjieda tan-nies.” 20 Huma mill-ewwel telqu x-xbieki u marru warajh. 21 Wara li telaq minn hemm, hu ra żewġ aħwa oħra, lil Ġakbu u lil Ġwanni t-tfal taʼ Żebedew. Hu għajtilhom waqt li huma kienu fid-dgħajsa maʼ missierhom isewwu x-xbieki. 22 Huma mill-ewwel telqu d-dgħajsa u lil missierhom, u marru warajh.
23 Imbagħad mar fil-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi, jipprietka l-aħbar tajba tas-Saltna, u jfejjaq kull tip taʼ mard. 24 L-aħbar dwaru nxterdet mas-Sirja kollha, u dawn ħadulu n-nies li kienu jbatu minn kull tip taʼ mard u wġigħ. Kif ukoll lil dawk li kellhom id-demonji, li kienu jbatu bl-epilessija, u li kienu pparalizzati, u fejjaqhom ilkoll. 25 Minħabba f’hekk, marru warajh folol kbar mill-Galilija, mid-Dekapoli,* minn Ġerusalemm, mil-Lhudija, u min-naħa l-oħra tal-Ġordan.