L-Aħbar Tajba Skont Mattew
14 F’dak iż-żmien, Erodi, il-mexxej tad-distrett* tal-Galilija, semaʼ dwar Ġesù. 2 Hu qal lill-qaddejja tiegħu: “Dan hu Ġwanni l-Għammied. Hu ġie mqajjem mill-mewt, u hu għalhekk li għandu l-qawwa li jagħmel dawn il-mirakli.” 3 Erodi* kien arresta lil Ġwanni, rabtu, u tefgħu l-ħabs minħabba Erodja, il-mara taʼ ħuh Filippu. 4 Hu għamel hekk għax Ġwanni kien jgħidlu: “Skont il-Liġi din il-mara ma tistax tkun tiegħek.” 5 Imma għalkemm xtaq joqtlu, hu kien jibżaʼ min-nies għax lil Ġwanni kienu jqisuh profeta. 6 Meta Erodi għalaq żmienu, hu għamel festa. Fiha, it-tifla taʼ Erodja ħarġet tiżfen, u Erodi tant ħa pjaċir biha 7 li ħalef li jagħtiha kulma titolbu. 8 Imbagħad hi, imħeġġa minn ommha, qalet: “Ġibli ras Ġwanni l-Għammied fuq platt.” 9 Għalkemm ir-re għamel id-dwejjaq, hu kkmanda li jsir hekk għax kien ħalef quddiem il-mistidnin. 10 Għalhekk, bagħat suldat biex jaqtaʼ ras Ġwanni fil-ħabs. 11 Is-suldat ħa ras Ġwanni fuq platt u tah lit-tfajla, u din tatha lil ommha. 12 Iktar tard, id-dixxipli taʼ Ġwanni marru, ħadu l-ġisem tiegħu, u difnuh. Imbagħad marru u qalu lil Ġesù b’dan. 13 Malli semaʼ hekk, Ġesù telaq minn hemm b’dgħajsa lejn post imwarrab biex ikun waħdu. Meta n-nies saru jafu b’dan, huma telqu mill-belt tagħhom u marru warajh bil-mixi.
14 Meta niżel mid-dgħajsa, hu ra folla kbira, tħassarhom, u fejjaq il-morda. 15 Filgħaxija d-dixxipli tiegħu marru għandu u qalulu: “Dan il-post hu mwarrab u diġà sar il-ħin. Ibgħat lill-folol fl-irħula fil-viċin ħalli jixtru xi ħaġa x’jieklu.” 16 Madankollu, Ġesù qalilhom: “M’għandhomx għalfejn imorru. Agħtuhom xi ħaġa tal-ikel intom.” 17 Huma qalulu: “Kulma għandna ħames ħobżiet u żewġ ħutiet.” 18 Qalilhom: “Ġibuhom hawn.” 19 Hu qal lin-nies biex ipoġġu fuq il-ħaxix. Imbagħad ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, ħares lejn is-sema, u qal talba. Wara, qasam il-ħobż, tah lid-dixxipli, u dawn tawh lin-nies. 20 B’hekk kulħadd kiel u xebaʼ, u b’dak li kien fadal imlew 12-il qoffa. 21 Kien hemm madwar 5,000 raġel li kielu, minbarra n-nisa u t-tfal. 22 Eżatt wara, hu qal lid-dixxipli tiegħu biex jitilgħu fid-dgħajsa ħalli jmorru n-naħa l-oħra tax-xatt qablu, waqt li bagħat lin-nies lejn djarhom.
23 Wara, hu telaʼ waħdu fuq il-muntanja biex jitlob. Hu baqaʼ hemm sa ma dalam. 24 Sadanittant, id-dixxipli kienu fuq id-dgħajsa mijiet taʼ metri ’l bogħod mill-art. Dawn kienu qed jitħabtu mal-mewġ, għax ir-riħ kien kontrihom. 25 Meta kien kważi sebaħ,* Ġesù wasal ħdejhom miexi fuq il-baħar. 26 Meta rawh, id-dixxipli tħawdu u bdew jgħidu: “Din xi viżjoni?” U bdew jgħajtu bil-biżaʼ. 27 Imma Ġesù mill-ewwel qalilhom: “Agħmlu kuraġġ! Jien Ġesù, tibżgħux.” 28 Pietru qallu: “Mulej, jekk int veru Ġesù, ħallini nimxi ħdejk fuq il-baħar.” 29 Hu qallu: “Ejja!” U Pietru niżel mid-dgħajsa u beda jimxi fuq il-baħar lejn Ġesù. 30 Imma meta ra l-maltemp beżaʼ. Xħin beda jegħreq, għajjat: “Mulej salvani!” 31 Ġesù mill-ewwel qabdu minn idu u qallu: “M’għandekx biżżejjed fidi? Għala qed tiddubita?” 32 Wara li telgħu fid-dgħajsa, il-maltempata kkalmat. 33 Imbagħad id-dixxipli li kienu fid-dgħajsa mielu quddiemu u qalulu: “Int bilfors l-Iben t’Alla.” 34 U qasmu għan-naħa l-oħra u niżlu fl-art taʼ Ġennesaret.
35 Malli n-nies tal-post għarfuh, marru jgħidu lin-nies fl-inħawi kollha, u dawn ħadulu lil kull min kien marid. 36 Huma talbuh bil-ħniena biex imqar imissu t-tarf tal-libsa tiegħu, u kull min għamel hekk, fieq għalkollox.