L-Aħbar Tajba Skont Luqa
17 Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Dejjem se jkun hemm xi ħaġa li tfixkel. Imma ħażin għalih min iġiegħel lin-nies jitfixklu! 2 Hu jkun jaqbillu iktar li jdendlulu ġebla kbira taʼ mitħna m’għonqu u jitfgħuh il-baħar milli jfixkel wieħed minn dawn it-tfal żgħar.* 3 Oqogħdu attenti. Jekk ħuk* jagħmel dnub, widdbu, u jekk jindem, aħfirlu. 4 Anki jekk jidneb kontrik sebaʼ darbiet kuljum u jiġi għandek sebaʼ darbiet u jgħidlek li jiddispjaċih, int trid taħfirlu.”
5 L-appostli qalu lill-Mulej: “Agħtina iktar fidi.” 6 Imbagħad il-Mulej qal: “Li kieku kellkom fidi daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut, ‘Inqalaʼ mill-għeruq u tħawwel fil-baħar!’ u din hekk kienet tagħmel.
7 “Jekk l-ilsir tagħkom jiġi lura wara li jaħrat l-għalqa jew jirgħa l-merħla kif tilqgħuh? Se tgħidulu, ‘Ejja malajr mal-mejda ħa tiekol xi ħaġa’? 8 Le, anzi tgħidulu, ‘Ippreparali l-ikel, ilbes fardal, u servini. Imbagħad meta nkun kilt u xrobt, tistaʼ tmur tiekol int.’ 9 Se tirringrazzjawh lill-ilsir talli jkun għamel dak li qabbadtuh? Le. 10 Bl-istess mod, meta tkunu għamiltu l-affarijiet kollha li ġejtu mqabbdin, għidu: ‘Aħna sempliċi lsiera u ma jistħoqqilna xejn. Għamilna dak li kellna nagħmlu.’”
11 Waqt li Ġesù kien sejjer Ġerusalemm, hu għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija. 12 Hekk kif kien dieħel f’raħal, għaxart irġiel bil-ġdiem iltaqgħu miegħu, imma qagħdu ’l bogħod. 13 Huma qalu b’leħen għoli: “Ġesù, Għalliem, ħenn għalina!” 14 Meta rahom, qalilhom: “Morru għand il-qassisin biex jarawkom.” U hekk kif kienu sejrin fiequ. 15 Meta wieħed minnhom induna li fieq, dar lura u faħħar lil Alla b’leħen għoli. 16 Hu niżel wiċċu mal-art ħdejn saqajn Ġesù u beda jirringrazzjah. Issa dan kien Samaritan. 17 Ġesù qal: “Mhux għaxra fiequ? Allura fejn qegħdin id-disgħa l-oħra? 18 Ħadd iktar ma dar lura biex ifaħħar lil Alla ħlief dan ir-raġel minn poplu ieħor.” 19 Imbagħad qallu: “Qum u mur fi triqtek. Il-fidi tiegħek fejqitek.”
20 Il-Fariżej staqsewh: “Is-Saltna t’Alla* meta ġejja?” Hu wiġibhom: “Meta tiġi s-Saltna t’Alla mhux kulħadd se jinduna. 21 In-nies mhux se jgħidu, ‘Ara hawn hi!’ jew, ‘Hemm qiegħda!’ Għax is-Saltna t’Alla qiegħda f’nofskom.”
22 Imbagħad hu qal lid-dixxipli: “Se jiġi żmien meta intom tkunu tixtiequ li jien, Bin il-bniedem, inkun magħkom, imma dan mhux se jiġri. 23 In-nies se jgħidulkom, ‘Hemm qiegħed!’ jew, ‘Hawn qiegħed!’ Imma toħorġux barra jew tmorru warajhom. 24 Għax iż-żmien meta nerġaʼ niġi jien, Bin il-bniedem, se jkun bħal dawl taʼ sajjetta li jidher min-naħa għall-oħra tas-sema. 25 Imma l-ewwel jien ikolli ngħaddi minn ħafna tbatija u ma niġix aċċettat minn din il-ġenerazzjoni. 26 Iktar minn hekk, meta niġi jien, Bin il-bniedem, se jiġri bħalma ġara fi żmien Noè: 27 in-nies kienu aljenati jieklu, jixorbu, u jiżżewġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka, u ġie d-Dulluvju u qeridhom kollha. 28 U se jiġri wkoll bħalma ġara fi żmien Lot: in-nies kienu aljenati jieklu, jixorbu, jixtru, ibigħu, iħawlu, u jibnu. 29 Imma dakinhar li Lot ħareġ minn Sodoma għamlet xita taʼ nar u kubrit* u qerdithom kollha. 30 Hekk se jiġri fiż-żmien li jien, Bin il-bniedem, nuri l-qawwa tiegħi.
31 “Dakinhar min ikun fuq il-bejt m’għandux jidħol id-dar tiegħu biex jieħu l-affarijiet, u bl-istess mod, min ikun fl-għalqa m’għandux imur lura biex jieħu dak li ħalla warajh. 32 Ftakru fil-mara taʼ Lot. 33 Kull min jipprova jibżaʼ għal ħajtu, jitlifha, imma kull min jitlifha, se jgħix. 34 Naċċertakom li f’dak il-lejl żewġ persuni se jkunu fis-sodda; wieħed se jiġi aċċettat u l-ieħor se jiġi abbandunat. 35 Se jkun hemm żewġ nisa jitħnu l-qamħ flimkien; waħda se tiġi aċċettata u l-oħra se tiġi abbandunata.” 36*—— 37 Għalhekk huma staqsewh: “Fejn Mulej?” Wiġibhom: “Fejn ikun hemm il-ġisem mejjet ikun hemm ukoll l-ajkli miġburin.”