Ġeremija
20 Pasħur il-qassis bin Immer, li kien ukoll kap taʼ dawk li jieħdu ħsieb id-dar taʼ Ġeħova, kien qed jismaʼ l-affarijiet li jien, Ġeremija, kont qed nipprofetizza. 2 Imbagħad Pasħur sawwatni u tefagħni fil-qjud* li kien hemm fil-Bieb taʼ Fuq taʼ Benjamin, li kien qrib id-dar taʼ Ġeħova. 3 Imma l-għada, meta Pasħur ħelisni mill-qjud, jien Ġeremija għedtlu:
“Ġeħova biddillek ismek minn Pasħur għal Twerwir Minn Kull Naħa. 4 Għax Ġeħova jgħid hekk, ‘Jien se nagħmlek xi ħaġa li int u l-ħbieb kollha tiegħek titwerwru minnha, u huma se jmutu quddiem għajnejk bix-xabla tal-għedewwa tagħhom. U jien se nagħti lil Ġuda kollu f’idejn ir-re taʼ Babilonja, u lil xi wħud se jiħodhom fl-eżilju f’Babilonja u lil oħrajn se joqtolhom bix-xabla. 5 Se nagħti f’idejn l-għedewwa tagħhom il-ġid, ir-riżorsi, u l-affarijiet prezzjużi kollha taʼ din il-belt u l-ġid kollu tar-rejiet taʼ Ġuda. Huma se jaħtfu l-ġid kollu tagħhom u jiħduh Babilonja. 6 U int, Pasħur, u dawk kollha li joqogħdu fid-dar tiegħek se tmorru fl-eżilju. Int se tmur Babilonja, tmut hemm, u tindifen mal-ħbieb kollha tiegħek, għax int ipprofetizzajtilhom il-gideb.’”
7 Int qarraqt bija, Ġeħova, u jien tqarraqt.
Int urejtni kemm int b’saħħtek u rbaħtli.
Il-ġurnata kollha n-nies jidħqu bija;
Kulħadd iwaqqagħni għaċ-ċajt.
8 Għax kull meta nitkellem irrid ngħajjat u nxandar:
“Vjolenza u qerda!”
Kienu jwaqqgħuni għaċ-ċajt u jiddieħqu bija l-ġurnata kollha
Minħabba dak li jgħid Ġeħova.
9 Allura jien għedt: “Jien mhux se nsemmih
U mhux se nkompli nitkellem f’ismu.”
Imma dak li qalli kien bħal nar jaqbad f’qalbi,
Kien bħal nar f’għadmi,
U għejejt ma ngħid xejn;
Ma flaħtx inżomm iktar.
10 Smajt ħafna affarijiet ħżiena;
Is-sitwazzjoni li kont fiha kienet tal-biżaʼ.
Huma jgħidu: “Ikkundannawh; ejja ħa nikkundannawh!”
Kull min taparsi jixtieqli l-ġid
Qed jistennieni nagħmel xi ħaġa ħażina u jgħid:
“Forsi jagħmel żball banali, u jirnexxilna negħlbuh u npattuhielu.”
11 Imma Ġeħova kien miegħi bħal gwerrier b’saħħtu.
Hu għalhekk li dawk li qed jippersegwitawni se jitfixklu u mhux se jirbħu.
Huma se jiġu mġegħlin jistħu ħafna, għax mhux se jirnexxu.
Il-mistħija tagħhom se tkun għal dejjem u qatt mhu se tintesa.
Ħallini ħa nara l-vendetta li se ġġib fuqhom,
Għax jien għandek ġejt bil-kawża legali tiegħi.
13 Kantaw lil Ġeħova! Faħħru lil Ġeħova!
Għax hu ħeles lill-batut* minn idejn il-ħżiena.
14 Nisħet il-ġurnata li twilidt!
Kien ikun aħjar li kieku ommi ma wilditnix!
15 Misħut ir-raġel li ferraħ ħafna lil missieri meta tah aħbar tajba u qallu:
“Għandek tifel!”
16 Jalla dak ir-raġel isir bħall-bliet li Ġeħova qered mingħajr ma ddispjaċieh.
U jalla jismaʼ għajta filgħodu u l-għajta tal-gwerra f’nofsinhar.