Levitiku
3 “‘Jekk l-offerta tiegħu tkun sagrifiċċju tal-paċi,* u jekk jippreżentaha mill-merħla tal-baqar, sew jekk barri u sew jekk baqra, għandu jippreżentaha bla difett quddiem Ġeħova. 2 Hu jrid iqiegħed idu fuq ras l-offerta tiegħu, u din tinqatel fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa; u t-tfal t’Aron, il-qassisin, iroxxu d-demm fuq kull naħa tal-artal. 3 Hu jippreżenta parti mis-sagrifiċċju tal-paċi bħala offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova: ix-xaħam li jiksi l-imsaren, ix-xaħam kollu taʼ madwar l-imsaren, 4 u ż-żewġ kilwiet bix-xaħam taʼ fuqhom viċin il-ġenbejn. Hu jneħħi wkoll il-kliewi u x-xaħam tal-fwied. 5 U t-tfal t’Aron iridu jaħarquhom fuq l-offerta tal-ħruq li qiegħda fuq il-ħatab jaqbad tal-artal. Din hi offerta li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova.
6 “‘Jekk l-offerta tiegħu tkun mill-merħla tan-nagħaġ bħala sagrifiċċju tal-paċi lil Ġeħova, hu jippreżenta minnhom raġel jew mara bla difett. 7 Jekk jippreżenta muntun żgħir bħala l-offerta tiegħu, allura jrid jippreżentah quddiem Ġeħova. 8 Hu jqiegħed idu fuq ras l-offerta tiegħu, u din tinqatel quddiem it-tinda tal-laqgħa. U t-tfal t’Aron iroxxu demmha fuq kull naħa tal-artal. 9 U mis-sagrifiċċju tal-paċi jippreżenta x-xaħam bħala offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova. Hu jneħħi d-denb imxaħħam kollu minn ħdejn is-sinsla, ix-xaħam li jiksi l-imsaren, ix-xaħam kollu taʼ madwar l-imsaren, 10 u ż-żewġ kilwiet bix-xaħam taʼ fuqhom viċin il-ġenbejn. Hu jneħħi wkoll il-kliewi u x-xaħam tal-fwied. 11 U l-qassis irid jaħraqhom fuq l-artal bħala ikel,* offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova.
12 “‘Jekk l-offerta tiegħu tkun mill-mogħoż, irid jippreżentaha quddiem Ġeħova. 13 Hu jqiegħed idu fuq rasha, u din tinqatel quddiem it-tinda tal-laqgħa. U t-tfal t’Aron iroxxu demmha fuq kull naħa tal-artal. 14 Il-parti li jippreżenta bħala l-offerta tiegħu li tiġi maħruqa għal Ġeħova hi x-xaħam li jiksi l-imsaren, ix-xaħam kollu taʼ madwar l-imsaren, 15 u ż-żewġ kilwiet bix-xaħam taʼ fuqhom viċin il-ġenbejn. Hu jneħħi wkoll il-kliewi u x-xaħam tal-fwied. 16 Il-qassis irid jaħraqhom fuq l-artal bħala ikel,* offerta li tiġi maħruqa bħala riħa pjaċevoli.* Ix-xaħam kollu hu taʼ Ġeħova.
17 “‘Din hi liġi li għandha sservi għall-ġenerazzjonijiet tagħkom fil-postijiet kollha fejn tgħixu: M’għandkom tieklu assolutament ebda xaħam jew demm.’”