Ġeremija
19 Ġeħova qalli: “Ixtri flixkun tal-fuħħar mingħand dak li jagħmel il-fuħħar, ħu miegħek ftit mill-anzjani* tal-poplu u tal-qassisin, 2 mur fil-Wied taʼ Bin Ħinnom u oqgħod fid-daħla taʼ Bieb ix-Xaqquf, u għid dak li ngħidlek. 3 Int se tgħid, ‘Rejiet taʼ Ġuda u intom li toqogħdu Ġerusalemm, isimgħu dak li għandu jgħid Ġeħova. Dan jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael:
“‘“Jien daqt se nġib diżastru f’dan il-post, u kull min jismaʼ dwar dan se jinħasad.* 4 Dan għax abbandunawni u għax ma ħallewx dan il-post jintgħaraf. Fih għamlu sagrifiċċji lil allat oħrajn, li huma, missirijiethom, u r-rejiet taʼ Ġuda ma kinux jafu bihom; u mlew dan il-post bid-demm taʼ nies innoċenti. 5 Huma bnew il-postijiet għoljin għal Bagħal biex jaħarqu t-tfal tagħhom fin-nar bħala offerti sħaħ tal-ħruq lil Bagħal, xi ħaġa li jien ma kkmandajthomx, ma tkellimtx dwarha, u lanqas qatt m’għaddietli minn moħħi.”’
6 “‘Ġeħova jgħid, “Għalhekk, ġej żmien meta dan il-post ma jibqax jissejjaħ Tofet jew il-Wied taʼ Bin Ħinnom, imma l-Wied tal-Qatla. 7 Jien se nwaqqaf il-pjanijiet taʼ Ġuda u Ġerusalemm f’dan il-post, u se nħallihom imutu bix-xabla tal-għedewwa tagħhom li jridu joqtluhom. U se nagħti l-ġisem mejjet tagħhom bħala ikel lill-għasafar u l-annimali. 8 Lil din il-belt se neqridha, u min jgħaddi minn hemm ixengel rasu.* Kull min jgħaddi minn ħdejha se jiċċassa bil-biżaʼ u se jxengel rasu minħabba l-kastigi kollha tagħha. 9 Jien se nġegħelhom jieklu t-tfal subien u bniet tagħhom, u kull wieħed minnhom se jiekol lil ħaddieħor. Huma se jagħmlu hekk meta jkunu mdawrin bl-għedewwa tagħhom u b’dawk li qed jipprovaw joqtluhom, għax ikunu assedjati u ddisprati.”’
10 “Imbagħad, kisser il-flixkun quddiem l-irġiel li ġew miegħek 11 u għidilhom, ‘Ġeħova tal-armati jgħid: “Hekk se nkisser lil dawn in-nies u l-belt, bħal xi ħadd li jkisser reċipjent tal-fuħħar ħalli qatt ma jkun jistaʼ jissewwa. U huma se jidfnu f’Tofet sakemm ma jibqax iktar post fejn jidfnu.”’
12 “Ġeħova jgħid, ‘Hekk se nagħmel b’dan il-post u bin-nies li joqogħdu fih, biex din il-belt tiġi bħal Tofet. 13 U d-djar taʼ Ġerusalemm u tar-rejiet taʼ Ġuda se jsiru mniġġsin bħal Tofet. Iva, id-djar kollha li fuq il-bjut tagħhom offrew sagrifiċċji lix-xemx, il-qamar, u l-istilel* u fejn ferrgħu l-offerti tax-xorb lil allat oħra.’”
14 Meta jien, Ġeremija, ġejt lura minn Tofet, fejn Ġeħova kien bagħatni biex nipprofetizza, qgħadt fil-bitħa tad-dar taʼ Ġeħova u għedt lil kulħadd: 15 “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘Jien se nġib id-diżastru kollu li tkellimt dwaru fuq din il-belt u l-bliet kollha tagħha, għax huma b’ras iebsa rrifjutaw li jobduni.’”