L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel
28 F’dawk il-jiem, il-Filistin ġabru l-armati tagħhom biex jiggwerraw kontra Iżrael. Għalhekk, Akis qal lil David: “Ovvjament, int taf li int u l-irġiel tiegħek se toħorġu għall-battalja miegħi.” 2 U David wieġbu: “Int żgur taf x’se nagħmel jien, il-qaddej tiegħek.” Akis qallu: “Huwa għalhekk li se ninkarigak bħala gwardja persunali tiegħi għal dejjem.”*
3 Issa Samwel kien miet, u Iżrael kollu kien bkieh u difnu f’Rama, il-belt tiegħu. U Sawl kien neħħa mill-pajjiż lill-medji tal-ispirti u lil dawk li jbassru l-futur.
4 Imbagħad il-Filistin inġabru flimkien u kkampjaw f’Sunem. Għalhekk, Sawl ġabar lis-suldati t’Iżrael u kkampjaw f’Gilbogħa. 5 Meta Sawl ra l-kampijiet tal-Filistin, beda jibżaʼ ħafna. 6 Għalkemm Sawl kien jistaqsi għall-gwida taʼ Ġeħova, Ġeħova qatt ma wieġbu, la bil-ħolm, la bl-Urim, u lanqas bil-profeti. 7 Fl-aħħar, Sawl qal lill-qaddejja tiegħu: “Sibuli mara li hi medjum tal-ispirti, u jien immur nieħu l-parir tagħha.” Il-qaddejja tiegħu wiġbuh: “Hemm waħda f’Għajn-dor.”
8 Għalhekk, Sawl libes ilbies ieħor sabiex ma jintgħarafx u mar għand il-mara billejl maʼ tnejn mill-irġiel tiegħu. Hu qalilha: “Jekk jogħġbok, urini l-futur billi tuża l-abbiltà tiegħek bħala medjum tal-ispirti u għajjatli lil min ngħidlek jien.” 9 Madankollu, il-mara qaltlu: “Int żgur taf x’għamel Sawl, kif neħħa mill-pajjiż lill-medji tal-ispirti u lil dawk li jbassru l-futur. Allura għala qed tipprova taqbadni f’nassa biex toqtolni?” 10 Imbagħad Sawl ħalfilha b’Ġeħova u qalilha: “Naħliflek b’Ġeħova l-Alla l-ħaj li mhu se jkollok ebda ħtija f’din il-kwistjoni!” 11 Għal dan il-mara qaltlu: “Lil min ngħajjatlek?” Wiġibha: “Lil Samwel.” 12 Meta l-mara rat lil “Samwel,”* għajtet kemm felħet u qalet lil Sawl: “Għala dħaqt bija? Int Sawl!” 13 Ir-re qalilha: “Tibżax, imma għidli x’qed tara.” Il-mara wiġbitu: “Qed nara wieħed qisu alla tielaʼ mill-art.” 14 Minnufih staqsieha: “Kif jidher?” u qaltlu: “Hu raġel kbir fl-età u liebes libsa bla kmiem.” B’hekk, Sawl induna li kien “Samwel,” u miel u nxteħet wiċċu fl-art.
15 Imbagħad “Samwel” qal lil Sawl: “Għala qgħadt taqlagħni billi għajjattli?” Sawl wieġeb: “Ninsab f’inkwiet kbir. Il-Filistin qed jiġġieldu kontrija, u Alla telaqni u m’għadux iwiġibni, la bil-profeti u lanqas bil-ħolm. B’hekk, għajjatt lilek biex tgħidli x’għandi nagħmel.”
16 U “Samwel” qal: “Għala qed tistaqsi lili meta Ġeħova stess telqek u sar l-għadu tiegħek? 17 Ġeħova se jagħmel dak li bassar permezz tiegħi: Ġeħova se jaħtaf is-saltna minn idek u jagħtiha lil xi ħadd ieħor, lil David. 18 Ġeħova qed jagħmillek hekk għax ma smajtx minn leħen Ġeħova u ma qtiltx lill-Għamalekin li ġegħluh jirrabja ħafna. 19 Ukoll, Ġeħova se jagħti lilek u lil Iżrael f’idejn il-Filistin, u għada int u t-tfal tiegħek se tkunu miegħi. Ġeħova se jagħti anki l-armata t’Iżrael f’idejn il-Filistin.”
20 Minnufih Sawl waqaʼ fl-art u beda jibżaʼ ħafna minħabba kliem “Samwel.” Hu kien dgħajjef ħafna għax ma kien kiel xejn il-ġurnata kollha u l-lejl kollu. 21 Meta l-mara marret ħdejn Sawl u rat li kien tħawwad ħafna, qaltlu: “Jien, il-qaddejja tiegħek, obdejtek u ssograjt ħajti u għamilt dak li għedtli. 22 Issa ismaʼ minni, jekk jogħġbok. Ħa nġiblek biċċa ħobż, imbagħad kul sabiex ikollok ftit saħħa u tmur għal triqtek.” 23 Imma ma riedx u qal: “M’iniex se niekol.” Madankollu, il-qaddejja tiegħu kif ukoll il-mara baqgħu jħeġġuh. Fl-aħħar, hu semaʼ minnhom, qam mill-art, u poġġa fuq is-sodda. 24 Il-mara kellha barri żgħir* imsemmen fid-dar, għalhekk qatlitu* malajr u għaġnet id-dqiq u għamlitu ħobż bla ħmira. 25 Hi ħadithom lil Sawl u lill-qaddejja tiegħu, u kielu. Wara dan, qamu u telqu matul il-lejl.