Ġob
38 Imbagħad Ġeħova wieġeb lil Ġob mir-riefnu:
2 “Min hu dan li qed iqajjem id-dubji fuq il-pariri tiegħi
U qed jitkellem mingħajr għarfien?
3 Jekk jogħġbok, ipprepara ruħek bħal raġel b’saħħtu.
Jien se nistaqsik, u int wiġibni.
4 Fejn kont int meta jien għamilt id-dinja?
Għidli, jekk taħseb li tifhem.
5 Taf min iddeċieda kemm għandha tkun kbira d-dinja?
Jew min uża l-ħabel tal-kejl biex ikejjilha?
6 Fuqiex qed iserrħu l-pilastri tagħha,
Jew min poġġa l-ewwel ġebla tagħha,
7 Waqt li l-istilel taʼ filgħodu kienu qed jgħajtu bil-ferħ,
U t-tfal t’Alla* kollha bdew iċapċpu?
8 U min żamm il-baħar bil-bibien?
10 Fejn kont int meta għamiltlu limitu
U poġġejtlu staneg u bibien?
11 Fejn kont int meta għedtlu, ‘S’hawnhekk se tasal, u mhux iżjed;
Il-mewġ kbir tiegħek hawn se jieqaf’?
12 Ġieli kkmandajt lill-filgħodu
Jew għedt lix-xemx minn fejn għandha titlaʼ?
13 Jaqaw int kont li għedt lid-dawl taʼ filgħodu biex imur f’tarf id-dinja
U jkeċċi lil dawk ħżiena minnha?
14 Id-dinja tinbidel bħat-tafal taħt siġill,
U d-disinn tagħha jispikka bħal dak taʼ libsa sabiħa.
15 Imma d-dawl li jgawdu l-ħżiena se jittiħdilhom,
U ma jkunux jistgħu jibqgħu jweġġgħu lin-nies.
16 Inżilt int biex tara minn fejn ġej il-baħar,
Jew esplorajt l-oċeani fondi?
18 Qatt fhimt kemm hi kbira d-dinja?
Għidli, jekk taf dan kollu.
19 Fejn joqgħod id-dawl?
U fejn hu post id-dlam?
20 Tistaʼ tiħodhom f’posthom?
Tafha t-triq għad-dar tagħhom?
21 Jaqaw taf dan għax twilidt qabilhom,
U għax ilek tgħix ħafna?
22 Dħalt int fejn tinżamm il-borra,
Jew rajt int il-post fejn jinżamm is-silġ?
23 Dawn żammejthom għaż-żmien taʼ inkwiet kbir,
Għall-ġurnata tal-battalja u l-gwerra.
25 Min għamel kanal għall-ilma tad-dulluvju
U triq għas-sħaba tal-maltempata bir-ragħad?
26 Min bagħat ix-xita fejn m’hemmx nies,
Fid-deżert fejn m’hemm ebda bniedem?
27 Min xebbaʼ bl-ilma d-deżert meqrud
Biex jikber il-ħaxix?
28 Għandha missier ix-xita,
Jew min hu missier il-qtar tan-nida?
29 Min welled il-borra tas-sema,
U minn żaqq min ħareġ is-silġ?
30 Min webbes wiċċ l-ilma daqs il-ġebel,
U ffriża wiċċ l-ilmijiet fondi?
31 Tistaʼ int torbot il-ħbula tal-grupp taʼ stilel Kima,*
Jew tħoll il-ħbula tal-grupp taʼ stilel Kesil?*
32 Tistaʼ toħroġ grupp taʼ stilel* fi żmienhom?
Jew tmexxi l-grupp taʼ stilel As* flimkien mat-tfal tagħhom?
34 Tistaʼ tikkmanda s-sħab
Biex tagħmel ħafna xita fuqek?
35 Tistaʼ int tibgħat is-sajjetti?
Se jiġu huma u jgħidulek, ‘Aħna qegħdin hawn!’?
37 Min hu tant għaref li jistaʼ jgħodd is-sħab?
Jew min jistaʼ jferraʼ l-ilma tagħhom mis-sema,
38 Biex b’hekk it-trab isir tajn
U l-ħamrija tagħqad flimkien?
39 Tistaʼ int tikkaċċja l-ikel għall-iljun?
Jew tistaʼ xxebbaʼ l-iljuni b’saħħithom
40 Meta jitbaxxew biex ma jidhrux,
Jew joqogħdu għassa fil-moħba tagħhom biex jattakkaw?
41 Min hu li jlesti l-ikel għaċ-ċawlun
Meta l-frieħ tiegħu jgħajtu lil Alla għall-għajnuna,
U jduru ’l hemm u ’l hawn għax ma jkollhomx x’jieklu?