Ġeremija
52 Sedekija kellu 21 sena meta sar re, u mexxa 11-il sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Ħamutal bint Ġeremija minn Libna. 2 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, bħalma kien għamel Ġeħojakim. 3 Kien minħabba r-rabja taʼ Ġeħova li ġraw dawn l-affarijiet f’Ġerusalemm u Ġuda, sakemm keċċiehom minn quddiem wiċċu. U Sedekija rribella kontra r-re taʼ Babilonja. 4 Fid-disaʼ sena tat-tmexxija taʼ Sedekija, fl-għaxar jum tal-għaxar xahar, ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja mar kontra Ġerusalemm bl-armata kollha tiegħu. Huma kkampjaw biex jattakkawha u bnew ħajt tal-assedju mad-dawra kollha tagħha. 5 U l-belt damet assedjata sal-11-il sena tat-tmexxija tar-Re Sedekija.
6 Fid-disaʼ jum tar-rabaʼ xahar, il-ġuħ kien kbir fil-belt u ma kienx hemm ikel għan-nies tal-pajjiż. 7 Fl-aħħar, il-Kaldin għamlu fetħa fis-sur tal-belt, u s-suldati kollha ħarbu mill-belt billejl mill-bieb taʼ bejn iż-żewġ ħitan, li hemm ħdejn il-ġnien tar-re, waqt li l-Kaldin kienu qed idawru l-belt. Huma komplew jaħarbu mit-triq li tagħti għall-Għaraba. 8 Imma l-armata tal-Kaldin marret għal wara r-Re Sedekija, u laħqitu fil-pjanuri tad-deżert taʼ Ġeriko, u s-suldati kollha li kellu miegħu telquh. 9 Imbagħad qabdu lir-re u ħaduh għand ir-re taʼ Babilonja f’Ribla fl-art taʼ Ħamat, u qatagħlu s-sentenza. 10 U r-re taʼ Babilonja qatel lit-tfal taʼ Sedekija quddiem għajnejh stess, u qatel ukoll lill-mexxejja kollha taʼ Ġuda hemm stess f’Ribla. 11 Imbagħad ir-re taʼ Babilonja għama lil Sedekija, rabtu bi ktajjen tar-ram, ħadu f’Babilonja, u żammu fil-ħabs sakemm miet.
12 Fl-għaxar jum tal-ħames xahar, jiġifieri fid-19-il sena tat-tmexxija tar-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja, Nebużaradan ġie Ġerusalemm. Hu kien il-kap tal-gwardji u l-qaddej tar-re taʼ Babilonja. 13 Hu ħaraq id-dar taʼ Ġeħova, il-palazz tar-re, id-djar kollha taʼ Ġerusalemm, u kull dar kbira. 14 L-armata kollha tal-Kaldin li kienet mal-kap tal-gwardji waqqgħu s-swar taʼ madwar Ġerusalemm.
15 Nebużaradan il-kap tal-gwardji ħa fl-eżilju wħud min-nies foqra u lin-nies li kien għad fadal fil-belt. Hu ħa wkoll lil dawk li kienu marru jagħtu ruħhom f’idejn ir-re taʼ Babilonja u l-kumplament tan-nies tas-sengħa. 16 Imma Nebużaradan, il-kap tal-gwardji, ħalla ftit mill-iktar nies foqra tal-pajjiż biex jieħdu ħsieb id-dwieli u jaħdmu l-għelieqi.
17 Il-Kaldin kissru biċċiet il-kolonni tar-ram tad-dar taʼ Ġeħova. Kissru wkoll il-karrijiet u l-vaska kbira tar-ram li ssemmiet Baħar li kienu fid-dar taʼ Ġeħova, u ħadu r-ram kollu Babilonja. 18 Ħadu wkoll ir-reċipjenti għall-irmied, il-pali, l-għodod li jittrimmjaw u jitfu l-ftila bihom, l-iskutelli, it-tazzi, u l-għodod kollha tar-ram li kienu jintużaw fit-tempju. 19 Il-kap tal-gwardji ħa l-bwieqi, ir-reċipjenti għall-ġamar, l-iskutelli, ir-reċipjenti għall-irmied, il-gandlieri, it-tazzi, u l-iskutelli, li kienu tad-deheb pur u tal-fidda pura. 20 Tant intuża ram meta r-Re Salamun għamel iż-żewġ kolonni, il-Baħar, it-12-il barri tar-ram taħt il-Baħar, u l-karrijiet għad-dar taʼ Ġeħova li kien impossibbli biex jiġi kkalkulat kemm jiżen.
21 Kull kolonna kienet twila 18-il kubitu,* u d-dawra tagħha kienet 12-il kubitu. Kienet vojta minn ġewwa u l-ħxuna tar-ram tagħha kien daqs erbat iswabaʼ.* 22 Il-parti mżejna taʼ fuq tal-kolonna kienet tar-ram u għolja ħames kubiti, u x-xibka u r-rummien mad-dawra tal-parti mżejna kienu kollha tar-ram. It-tieni kolonna kienet bħalha, anki r-rummien. 23 Kien hemm 96 rummiena mal-ġnub; b’kollox kien hemm 100 rummiena madwar ix-xibka.
24 Il-kap tal-gwardji ħa wkoll lil Seraja l-qassis il-kbir, lil Sofonija l-qassis li jgħin lill-qassis il-kbir, u lit-tliet għassiesa tal-bibien. 25 U mill-belt ħa uffiċjal tal-palazz li kien fuq is-suldati, sebat irġiel li kienu jagħtu l-pariri lir-re, is-segretarju tal-kap tal-armata li kien jagħżel is-suldati għall-armata, u 60 raġel min-nies komuni tal-pajjiż. 26 Imbagħad, Nebużaradan ħadhom għand ir-re taʼ Babilonja f’Ribla. 27 U r-re taʼ Babilonja qatilhom f’Ribla fl-art taʼ Ħamat. B’hekk, in-nies taʼ Ġuda ttieħdu fl-eżilju.
28 Fis-sebaʼ sena tat-tmexxija taʼ Nebukadnessar, hu ħa 3,023 Lhudi fl-eżilju.
29 Fit-18-il sena tat-tmexxija taʼ Nebukadnessar, ittieħdu 832 ruħ minn Ġerusalemm.
30 Fit-23 sena tat-tmexxija taʼ Nebukadnessar, Nebużaradan, il-kap tal-gwardji, ħa 745 Lhudi fl-eżilju.
B’kollox ittieħdu 4,600 fl-eżilju.
31 Imbagħad fis-37 sena tal-eżilju tar-Re Ġeħojakin taʼ Ġuda, fil-25 jum tat-12-il xahar, ir-Re Evil-merodak taʼ Babilonja ħeles* lir-Re Ġeħojakin taʼ Ġuda mill-ħabs. Dan għamlu fis-sena li sar re. 32 Hu kellmu b’qalb tajba u onorah iktar mir-rejiet* l-oħra li kienu miegħu f’Babilonja. 33 Għalhekk, Ġeħojakin neħħa l-ħwejjeġ tal-ħabs, libes ħwejjeġ ġodda, u kiel b’mod regulari mal-mejda tar-re ħajtu kollha. 34 Ir-re taʼ Babilonja baqaʼ jagħtih porzjon taʼ ikel jum wara l-ieħor tul ħajtu kollha, sa dakinhar li miet.