Ekkleżjasti
5 Oqgħod attent kif iġġib ruħek meta tidħol fid-dar tal-Alla l-veru. Ikun aħjar li tmur biex tismaʼ milli biex toffri xi sagrifiċċju bħalma jagħmlu l-istupidi, għax huma ma jafux li dak li qed jagħmlu hu ħażin.
2 Tgħaġġilx biex titkellem u tħallix lil qalbek iġġiegħlek titkellem bla ma taħsibha quddiem l-Alla l-veru. Għax l-Alla l-veru qiegħed fis-sema, imma int qiegħed fuq l-art. Għalhekk, għandek toqgħod attent x’tgħid. 3 Għax il-ħolm jiġi minn ħafna ħsibijiet,* u d-diskors tal-istupidu jiġi minn ħafna kliem. 4 Jekk għamilt wegħda lil Alla, iddumx ma tagħmel bħalma wegħedt, għax hu ma jiħux pjaċir bl-istupidi. Agħmel dak li wegħedt. 5 Ikun aħjar li ma twiegħed xejn milli twiegħed u ma żżommx kelmtek. 6 Tidnibx b’dak li tgħid, u tgħidx quddiem l-anġlu* li dan kien żball. Għala għandek tirrabja ħafna lill-Alla l-veru b’dak li tgħid u b’hekk ikollu jeqred dak li tagħmel? 7 Għax bħalma ħafna ħsibijiet iwasslu għall-ħolm, ħafna kliem iwassal għal affarijiet bla sens. Minflok, irrispetta ħafna lill-Alla* l-veru.
8 Jekk fid-distrett tiegħek tara uffiċjal jaħqar lill-foqra, jikser id-drittijiet tagħhom, u jittrattahom b’inġustizzja, tiħodhiex bi kbira, għax hemm uffiċjal ogħla minnu li qed jinnotah, u terġaʼ hemm oħrajn li għandhom pożizzjoni iktar għolja minn tagħhom.
9 Ukoll, il-qligħ taʼ dak li tipproduċi l-art jinqasam bejniethom kollha; anki l-ikel tar-re jiġi mill-għalqa.
10 Min iħobb il-fidda qatt mhu se jkun sodisfatt bil-fidda, u lanqas min iħobb il-ġid mhu se jkun sodisfatt bil-qligħ. Dan ukoll hu bla sens.
11 Meta jiżdiedu l-affarijiet tajbin, jiżdiedu wkoll dawk li jgawduhom. U x’vantaġġ hemm għas-sid, ħlief li jħares lejhom?
12 Il-qaddej isibha faċli biex jorqod, kemm jekk jiekol ftit u kemm jekk ħafna; imma s-sinjur ma jkunx jistaʼ jorqod minħabba l-ħafna ġid li għandu.
13 Jien rajt dan l-inkwiet* kbir taħt ix-xemx: il-ġid li wieħed refaʼ bi ħsara għalih stess. 14 Dan il-ġid intilef minħabba biċċa xogħol li marret ħażin, u meta dan ikollu tifel, ma jkun għad fadallu xejn x’jagħtih.
15 Bħalma wieħed jitwieled għarwien minn żaqq ommu, hekk se jispiċċa meta jmut. Mhu se jieħu xejn miegħu mix-xogħol iebes kollu tiegħu.
16 Anki dan hu taʼ inkwiet* kbir: Eżatt bħalma ġie se jerġaʼ jmur; u x’se jieħu dak li jibqaʼ jaħdem iebes u jtirlu kollox mar-riħ? 17 Ukoll, hu jiekol kuljum fid-dlam, bi frustrazzjoni kbira, mard, u rabja.
18 Dan rajt li hu sew u xieraq: li wieħed jiekol, jixrob, u jieħu pjaċir bix-xogħol iebes kollu li tħabat għalih taħt ix-xemx fil-ftit ġranet taʼ ħajja li tah l-Alla l-veru, għax dan hu l-premju* tiegħu. 19 Ukoll, meta l-Alla l-veru jagħti l-ġid u l-affarijiet materjali lill-bniedem, u jippermettilu jgawdihom, dan għandu jaċċetta l-premju* tiegħu u jieħu pjaċir bix-xogħol iebes li jagħmel. Dan hu rigal mingħand Alla. 20 Hu se jarahom għaddejjin malajr* il-ġranet taʼ ħajtu, għax l-Alla l-veru se jżommu aljenat billi jimlielu qalbu bil-ferħ.