L-Ewwel Kronaki
23 Meta David xjaħ u wasal biex imut,* hu għamel lil ibnu Salamun re fuq Iżrael. 2 Imbagħad ġabar il-kapijiet kollha t’Iżrael, il-qassisin, u l-Leviti. 3 L-ammont taʼ Leviti li kellhom minn 30 sena ’l fuq kienu 38,000. 4 Minn dawn kien hemm 24,000 li kienu jieħdu ħsieb ix-xogħol tad-dar taʼ Ġeħova, 6,000 uffiċjal u mħallef, 5 4,000 għassies tal-bibien, u 4,000 ifaħħru lil Ġeħova bl-istrumenti li dwarhom David qal, “Jien għamilthom biex ifaħħru lil Alla bihom.”
6 Imbagħad David organizzahom* f’taqsimiet skont it-tfal taʼ Levi: Gerson, Keħat, u Merari. 7 It-tfal taʼ Gerson kienu Lagħdan u Simgħi. 8 Lagħdan kellu tliet dixxendenti: Ġeħijel il-kap, Żetam, u Ġoel. 9 Simgħi* kellu tlett itfal: Selomot, Ħażijel, u Ħaran. Dawn kienu l-kapijiet tal-familji taʼ Lagħdan min-naħa tal-missier. 10 U t-tfal taʼ Simgħi* kienu Ġaħat, Żina, Ġegħus, u Berija. Dawn l-erbgħa kienu t-tfal taʼ Simgħi. 11 Ġaħat kien il-kap u Żiżah it-tieni. Imma peress li Ġegħus u Berija ma kellhomx ħafna tfal, huma ngħaddu bħala dar waħda min-naħa tal-missier li kellha l-istess responsabbiltà.
12 Keħat kellu erbat itfal: Għamram, Isħar, Ħebron, u Użżijel. 13 It-tfal t’Għamram kienu Aron u Mosè. Aron u t-tfal tiegħu kienu magħżulin b’mod permanenti biex iqaddsu l-Iktar Qaddis, biex joffru sagrifiċċji quddiem Ġeħova, biex jaqduh, u biex dejjem ibierku lin-nies f’ismu. 14 U t-tfal taʼ Mosè, il-qaddej tal-Alla l-veru, kienu jingħaddu mat-tribù tal-Leviti. 15 It-tfal taʼ Mosè kienu Gersom u Eligħeżer. 16 Minn dawk li jiġu minn* Gersom, Sebugħel kien il-kap. 17 Minn dawk li jiġu minn Eligħeżer, Reħabija kien il-kap. Eligħeżer ma kellux iktar tfal, imma Reħabija kellu ħafna. 18 Minn dawk li jiġu minn Isħar, Selomit kien il-kap. 19 It-tfal taʼ Ħebron kienu Ġerija l-kap, Amarija t-tieni, Ġaħażijel it-tielet, u Ġekamegħam ir-rabaʼ. 20 It-tfal taʼ Użżijel kienu Mikea l-kap u Issija t-tieni.
21 It-tfal taʼ Merari kienu Maħli u Musi. It-tfal taʼ Maħli kienu Elegħażar u Kis. 22 Elegħażar miet imma ma kellux tfal subien, bniet biss. Għalhekk iżżewġuhom it-tfal taʼ Kis, li jiġu l-kuġini tagħhom.* 23 Musi kellu tlett itfal: Maħli, Għeder, u Ġeremot.
24 Dawn kienu t-tfal taʼ Levi li ġew irreġistrati skont il-familji taʼ missirijiethom, jiġifieri l-kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier. Il-Leviti minn 20 sena ’l fuq ingħaddu u ġew miktubin skont isimhom għas-servizz tad-dar taʼ Ġeħova. 25 Għax David kien qal: “Ġeħova l-Alla t’Iżrael ipproteġa l-poplu tiegħu, u se jgħix f’Ġerusalemm għal dejjem. 26 U l-Leviti ma jkollhomx għalfejn iġorru t-tabernaklu jew xi waħda mill-għodod tiegħu għas-servizz tiegħu.” 27 Skont l-aħħar istruzzjonijiet taʼ David, ingħaddu l-Leviti minn 20 sena ’l fuq. 28 Ix-xogħol tagħhom kien li jgħinu lit-tfal t’Aron fis-servizz tad-dar taʼ Ġeħova, li jieħdu ħsieb il-btieħi, il-kmamar tal-ikel, li jnaddfu b’mod ċerimonjali kull ħaġa qaddisa, u li jagħmlu kull xogħol li jkun hemm bżonn fis-servizz tad-dar tal-Alla l-veru. 29 Kienu jgħinu f’li jippreparaw il-ħobż tal-preżenza,* id-dqiq fin għall-offerta taċ-ċereali,* il-galletti bla ħmira, il-ħobż taʼ fuq il-pjanċa, u l-għaġina mħallta, u kienu jiżnu u jkejlu l-affarijiet. 30 Kellhom ikunu preżenti kull filgħodu u filgħaxija biex jirringrazzjaw u jfaħħru lil Ġeħova. 31 Kienu jgħinu kull meta kienu jiġu offruti s-sagrifiċċji tal-ħruq lil Ġeħova f’kull Sabat, f’kull qamar ġdid, u matul l-istaġuni tal-festi bħalma hemm miktub fil-liġi. Dan kienu jagħmluh regolarment quddiem Ġeħova. 32 Għas-servizz tad-dar taʼ Ġeħova, huma kienu jieħdu ħsieb ukoll ir-responsabbiltajiet li għandhom x’jaqsmu mat-tinda tal-laqgħa, il-post qaddis, u ħuthom it-tfal t’Aron.