Eżekjel
31 U ġara fis-sena ħdax, fit-tielet xahar, fl-ewwel jum tax-xahar, li l-kelma taʼ Ġeħova ġiet għandi, tgħid: 2 “Bin il-bniedem, għid lill-Fargħun, is-sultan taʼ l-Eġittu, u lill-kotra tiegħu,+
“‘Lil min sirt tixbah fil-kobor tiegħek? 3 Ara! Lil Assirjan, lil siġra taċ-ċedru fil-Libanu,+ bi friegħi+ sbieħ u ħafna weraq li jagħmlu d-dell, siġra taʼ statura għolja,+ tant li l-quċċata tagħha kienet fis-sħab.+ 4 L-ilmijiet kabbruha;+ bl-ilmijiet fil-fond għoliet. In-nixxigħat taʼ dawn l-ilmijiet kienu jdawru l-post fejn kienet imħawla; u l-kanali tagħhom kienu jibqgħu għaddejjin lejn is-siġar kollha tar-rabaʼ. 5 Kien għalhekk li kompliet togħla ’l fuq mis-siġar l-oħrajn kollha tar-rabaʼ.+
“‘U l-friegħi tagħha komplew joktru u z-zkuk tagħha jitwalu minħabba l-ħafna ilma li kien hemm fil-kanali taʼ madwarha.+ 6 Il-ħlejjaq kollha li jtiru fis-smewwiet bejtu+ fuq il-friegħi tagħha; u taħt iz-zkuk tagħha wildu l-bhejjem salvaġġi kollha tar-rabaʼ,+ u l-ġnus kotrana kollha għammru għad-dell tagħha. 7 U saret sabiħa fil-kobor tagħha,+ fit-tul tal-friegħi u l-weraq tagħha, għax għeruqha kienu mifruxin fuq ħafna ilmijiet. 8 Iċ-ċedri l-oħrajn fil-ġnien t’Alla+ ma setgħux jitqabblu magħha. Il-friegħi tas-siġar tal-ġnibru xejn ma kienu jixbhu l-friegħi tagħha. U z-zkuk tas-siġra tad-dolf ma kellhomx x’jaqsmu maʼ tagħha. L-ebda siġra fil-ġnien t’Alla ma kienet tixbahha fi sbuħitha.+ 9 Jien għamiltha sabiħa b’abbundanza taʼ weraq,+ u s-siġar l-oħrajn kollha taʼ l-Għeden li kienu fil-ġnien taʼ l-Alla l-veru kienu jgħiru għaliha.’+
10 “Għaldaqstant, hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova, ‘Talli din* għoliet, tant li l-quċċata tagħha qiegħda fis-sħab,+ u qalbha tkabbret minħabba l-għoli tagħha,+ 11 jien nagħtiha f’idejn il-ħakkiem setgħan tal-ġnus.+ Bla dubju dan jaġixxi kontriha. Għal ħżunitha nkeċċiha.+ 12 U l-istranġieri, it-tiranni tal-ġnus, iqaċċtuha, u n-nies jabbandunawha fuq il-muntanji; u l-weraq tagħha jaqaʼ fil-widien kollha u l-friegħi tagħha jinkisru ħdejn in-nixxigħat kollha taʼ l-art.+ U l-popli kollha taʼ l-art jinżlu minn taħt id-dell tagħha u jabbandunawha.+ 13 U l-ħlejjaq kollha li jtiru fis-smewwiet jgħammru fuq iz-zokk imwaqqaʼ, u l-bhejjem salvaġġi kollha tar-rabaʼ joqogħdu qalb il-friegħi tagħha;+ 14 biex b’hekk l-ebda siġra msoqqija tajjeb ma togħla jew ikollha l-quċċata tagħha fis-sħab, u l-ebda siġra li tixrob l-ilma ma togħla iktar minnhom, għax ilkoll kemm huma jingħataw f’idejn il-mewt,+ f’idejn l-art taʼ taħt,+ fost ulied il-bnedmin, lil dawk li neżlin fil-ħofra.’
15 “Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova, ‘Dakinhar li din tinżel fil-Qabar* nikkaġuna n-niket.+ Minħabba fiha ngħatti l-ilmijiet fil-fond, sabiex inżomm in-nixxigħat tagħhom u jieqfu l-ħafna ilmijiet; u minħabba fiha nġib dalma fuq il-Libanu, u minħabba fiha s-siġar kollha tar-rabaʼ jidbielu. 16 U nġiegħel lill-ġnus jitriegħdu mal-ħoss tal-waqgħa tagħha meta nniżżilha fil-Qabar maʼ dawk li neżlin fil-ħofra;+ u fl-art taʼ taħt, is-siġar kollha taʼ l-Għeden,+ l-aqwa u l-aħjar siġar tal-Libanu, dawk kollha li jixorbu l-ilma, jitfarrġu.+ 17 Huma wkoll niżlu fil-Qabar+ magħha, għand dawk maqtulin bis-sejf, u għand dawk li, bħala ż-żerriegħa tagħha, għammru għad-dell tagħha f’nofs il-ġnus.’+
18 “‘Għalhekk, lil min sirt tixbah fil-glorja+ u l-kobor mis-siġar taʼ l-Għeden?+ Int se titniżżel fl-art taʼ taħt+ mas-siġar taʼ l-Għeden. Fost in-nies mhux ċirkonċiżi se timtedd flimkien maʼ dawk maqtulin bis-sejf. Dan hu l-Fargħun u l-kotra kollha tiegħu,’ hija l-kelma tal-Mulej Sovran Ġeħova.”