L-Ewwel Ktieb tas-Slaten
8 Dak iż-żmien Salamun laqqaʼ lill-anzjani* t’Iżrael, jiġifieri l-kapijiet kollha tat-tribujiet u l-kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier t’Iżrael. Huma marru Ġerusalemm għand ir-Re Salamun biex itellgħu l-arka tal-patt taʼ Ġeħova mill-Belt taʼ David, jiġifieri Sijon. 2 L-irġiel kollha t’Iżrael iltaqgħu quddiem ir-Re Salamun fil-festa* fix-xahar t’Etanim,* jiġifieri fis-sebaʼ xahar. 3 Għalhekk, marru l-anzjani kollha t’Iżrael, u l-qassisin refgħu l-Arka u ġarrewha. 4 Il-qassisin u l-Leviti tellgħu l-Arka taʼ Ġeħova, it-tinda tal-laqgħa, u l-għodod qaddisin kollha li kien hemm fit-tinda. 5 Ir-Re Salamun u l-ġemgħa kollha t’Iżrael li ġiet miġbura biex tiltaqaʼ miegħu, kienu quddiem l-Arka. Tant bdew joffru sagrifiċċji taʼ nagħaġ u baqar li ma setgħux jgħodduhom.
6 Imbagħad il-qassisin ħadu l-arka tal-patt taʼ Ġeħova f’postha, fil-kamra taʼ ġewwa nett tad-dar, jiġifieri l-Iktar Qaddis, u poġġewha taħt il-ġwienaħ tal-kerubini.
7 Il-ġwienaħ tal-kerubini kienu miftuħin fuq il-post fejn kienet l-Arka, u b’hekk il-kerubini għattew bid-dell tagħhom l-Arka u l-lasti tagħha. 8 Il-lasti tant kienu twal li t-truf tagħhom setgħu jidhru mill-Qaddis quddiem il-kamra taʼ ġewwa nett, imma ma kinux jidhru minn barra. Dawn għadhom hemmhekk sal-lum. 9 Ma kien hemm xejn fl-Arka ħlief iż-żewġ twavel tal-ġebel li Mosè qiegħed hemm f’Ħoreb, meta Ġeħova għamel patt mal-poplu t’Iżrael waqt li kienu ħerġin mill-art tal-Eġittu.
10 Meta l-qassisin ħarġu mill-post qaddis, is-sħaba mliet id-dar taʼ Ġeħova. 11 Il-qassisin ma setgħux ikomplu jaqdu minħabba s-sħaba, għax il-glorja taʼ Ġeħova mliet id-dar taʼ Ġeħova. 12 Imbagħad Salamun qal: “Ġeħova qal li kien se joqgħod fid-dalma l-kbira. 13 Jien irnexxieli nibnilek dar fl-għoli u glorjuża, post biex tgħix fih għal dejjem.”
14 Imbagħad ir-re dar lejn il-kongregazzjoni kollha t’Iżrael u beda jberikha waqt li kienet bilwieqfa. 15 Hu qal: “Jalla Ġeħova l-Alla t’Iżrael jiġi mfaħħar, il-wieħed li* għamel dak li wiegħed* lil missieri David, meta qal, 16 ‘Minn dakinhar li ħriġt lill-poplu tiegħi Iżrael mill-Eġittu, m’għażiltx belt mit-tribujiet kollha t’Iżrael biex nibni dar għal ismi ħalli jibqaʼ hemm, imma għażilt lil David biex ikun fuq il-poplu tiegħi Iżrael.’ 17 U missieri David xtaq minn qalbu li jibni dar għal isem Ġeħova l-Alla t’Iżrael. 18 Imma Ġeħova qallu, ‘Int xtaqt minn qalbek li tibni dar għal ismi, u sew għamilt li xtaqt dan. 19 Madankollu mhux int tibni d-dar, imma t-tifel li se jkollok* jibni d-dar għal ismi.’ 20 Ġeħova għamel dak li wiegħed, għax jien ilħaqt wara David missieri u qiegħed fuq it-tron t’Iżrael, bħalma wiegħed Ġeħova. Ukoll, jien bnejt id-dar għal isem Ġeħova l-Alla t’Iżrael. 21 Hemmhekk għamilt post għall-Arka li fiha l-patt li Ġeħova għamel maʼ missirijietna meta kien qed joħroġhom mill-art tal-Eġittu.”
22 Imbagħad Salamun qagħad quddiem l-artal taʼ Ġeħova u quddiem il-kongregazzjoni kollha t’Iżrael, u fetaħ idejh lejn is-sema, 23 u qal: “Ġeħova l-Alla t’Iżrael, m’hemmx Alla bħalek la fis-sema u lanqas fl-art. Int iżżomm il-patt u turi mħabba u lealtà* mal-qaddejja tiegħek li mexjin quddiemek b’qalbhom kollha. 24 Int żammejt il-wegħda li għamilt maʼ missieri David, il-qaddej tiegħek. U llum int għamilt dak li wegħedt. 25 U issa, Ġeħova l-Alla t’Iżrael, żomm il-wegħda li għamilt maʼ missieri David, meta għedt: ‘Jekk it-tfal tiegħek joqogħdu attenti kif jgħixu u jimxu fi triqti bħalma għamilt int, dejjem ikun hemm xi ħadd li jiġi minnek li joqgħod fuq it-tron t’Iżrael.’ 26 U issa jekk jogħġbok, l-Alla t’Iżrael, ħalli l-wegħda li għamilt maʼ missieri David tkun taʼ min jafdaha.
27 “Imma vera li Alla se jgħix fuq l-art? Ara! Lanqas is-sema, iva, is-sema kollha, mhi kbira biżżejjed biex toqgħod fiha; aħseb u ara din id-dar li bnejt jien! 28 Ġeħova Alla tiegħi, agħti kas it-talba u s-supplika* tiegħi għall-ħniena. Ismaʼ l-għajta tiegħi għall-għajnuna u dak li qed nitlob quddiemek illum. 29 Jalla żżomm għajnejk fuq din id-dar lejl u nhar, fuq il-post li dwaru int għedt li ismek se jkun hemmhekk, biex tismaʼ t-talb li jien, il-qaddej tiegħek, nitlob fid-direzzjoni taʼ dan il-post. 30 U ismaʼ s-supplika tiegħi għall-ħniena u s-supplika tal-poplu tiegħek Iżrael li jitolbu fid-direzzjoni taʼ dan il-post, u jalla tismaʼ mill-post fejn tgħix fis-sema. Iva, jalla tismaʼ u taħfer.
31 “Ejja ngħidu li raġel jidneb kontra ħaddieħor u jiġi mġiegħel jaħlef,* u wara li jkun għamel il-ħalfa* jiġi quddiem l-artal tiegħek f’din id-dar. 32 F’dan il-każ, jalla tismaʼ mis-sema u taġixxi u tiġġudika lill-qaddejja tiegħek. Lil dak mill-agħar tiddikjarah ħati* u tikkastigah għal dak li għamel, u lill-ġust tiddikjarah innoċenti* u tippremjah skont il-ġustizzja tiegħu.
33 “Ejja ngħidu li l-poplu tiegħek Iżrael jingħeleb minn għadu għax ikun baqaʼ jidneb kontrik, u jerġaʼ lura għandek u jigglorifika lil ismek u jitolbok u jissupplikak għall-ħniena f’din id-dar. 34 F’dan il-każ, jalla tismaʼ mis-sema u taħfer id-dnub tal-poplu tiegħek Iżrael u tieħdu lura fl-art li tajt lil missirijietu.
35 “Ejja ngħidu li s-sema tingħalaq u ma tagħmilx xita għax in-nies ikunu baqgħu jidinbu kontrik, u huma jitolbu lejn dan il-post u jigglorifikaw lil ismek u jduru lura minn dnubhom għax tkun umiljajthom.* 36 F’dan il-każ, jalla tismaʼ mis-sema u taħfer id-dnub tal-qaddejja tiegħek, il-poplu tiegħek Iżrael, u tgħallimhom dwar it-triq it-tajba li għandhom jimxu fiha; u tibgħat ix-xita fuq l-art li int tajthom bħala wirt.
37 “Ejja ngħidu li fil-pajjiż ikun hemm il-ġuħ, pesta, riħ jaħraq, moffa, jew qtajjaʼ taʼ ġurati; jew l-għadu jassedjahom f’waħda minn bliethom jew ikun hemm xi tip taʼ kastig jew mard ieħor, 38 u xi raġel jew il-poplu kollu tiegħek Iżrael jitolbok u jissupplikak għall-ħniena b’idejh miftuħa lejn din id-dar (għax kull wieħed jaf l-uġigħ taʼ qalbu). 39 F’dan il-każ, jalla tismaʼ mis-sema, il-post fejn tgħix, u taħfer u taġixxi. Ippremja lil kull wieħed skont dak li jagħmel, għax int taf lil qalbu (int biss taf tajjeb qalb kull bniedem), 40 sabiex jirrispettak u jibżaʼ minnek kemm idum ħaj fl-art li tajt lil missirijietna.
41 “Ukoll, ejja ngħidu li barrani li mhuwiex parti mill-poplu tiegħek Iżrael jiġi mill-bogħod minħabba ismek* 42 (għax se jisimgħu dwar ismek il-kbir u dwar l-id b’saħħitha u qawwija tiegħek), u jiġi u jitlob fid-direzzjoni taʼ din id-dar. 43 F’dan il-każ, jalla tismaʼ mis-sema, il-post fejn tgħix, u tagħmel kulma jitolbok. B’hekk, il-popli kollha tal-art isiru jafu lil ismek, jirrispettawk, u jibżgħu minnek, bħalma jagħmel il-poplu tiegħek Iżrael, u jkunu jafu li din id-dar li bnejt jien tonora lil ismek.
44 “Issa ejja ngħidu li n-nies tiegħek joħorġu għall-gwerra kontra l-għadu tagħhom fit-triq li tibgħathom int, u jitolbuk fid-direzzjoni tal-belt li int għażilt u d-dar li jien bnejt għal ismek, Ġeħova. 45 F’dan il-każ, ismaʼ mis-sema t-talba u s-supplika tagħhom għall-ħniena, u aqbeż* għalihom.
46 “Ejja ngħidu li jidinbu kontrik (għax m’hemm ebda bniedem li ma jidnibx), u int tirrabja ħafna magħhom u tabbandunahom f’idejn għadu, u dan jiħodhom bħala lsiera lejn pajjiżu, ’il bogħod jew viċin. 47 Imbagħad, huma jiġu f’sensihom fil-pajjiż fejn ikunu lsiera, jerġgħu lura lejk, u jitolbuk għall-ħniena fil-pajjiż tal-għadu, billi jgħidu, ‘Dnibna u żbaljajna; aġixxejna ħażin.’ 48 U jerġgħu lura lejk b’qalbhom kollha u b’ruħhom* kollha fil-pajjiż tal-għedewwa li ħaduhom fil-jasar, u jitolbuk fid-direzzjoni t’arthom li int tajt lil missirijiethom, il-belt li int għażilt, u d-dar li jien bnejt għal ismek. 49 F’dan il-każ, ismaʼ t-talba u s-supplika tagħhom għall-ħniena mis-sema, il-post fejn tgħix, u aqbeż għalihom. 50 Aħfer lin-nies tiegħek li dinbu kontrik, billi taħfrilhom in-nuqqasijiet kollha li għamlu kontrik. Ġiegħel lil dawk li qabduhom biex jitħassruhom 51 (għax huma l-poplu tiegħek u wirtek, li int ħriġt mill-Eġittu, mill-forn li jdewweb il-ħadid). 52 Jalla tismaʼ t-talb għall-ħniena tiegħi u tal-poplu tiegħek Iżrael kull darba li nitolbuk.* 53 Għax int għażiltu bħala wirt mill-popli kollha tal-art, bħalma għedt permezz taʼ Mosè l-qaddej tiegħek meta kont qed toħroġ lil missirijietna mill-Eġittu, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”*
54 U malli Salamun offra lil Ġeħova din it-talba kollha u s-supplika għall-ħniena, hu qam minn quddiem l-artal taʼ Ġeħova, fejn kien għarkopptejh b’idejh miftuħin lejn is-sema. 55 Hu mbagħad qagħad bilwieqfa u bierek lill-kongregazzjoni kollha t’Iżrael b’leħen għoli, billi qal: 56 “Jalla jkun imfaħħar Ġeħova, li ta post taʼ mistrieħ lill-poplu tiegħu Iżrael, bħalma wiegħed. Ma kienx hemm kelma li ma seħħitx mill-wegħdi tajbin kollha li għamel permezz tal-qaddej tiegħu Mosè. 57 Jalla Ġeħova l-Alla tagħna jkun magħna bħalma kien maʼ missirijietna. Jalla qatt ma jitlaqna jew jabbandunana. 58 Jalla jagħtina x-xewqa biex nimxu fi triqatu kollha u nobdu l-kmandamenti, ir-regoli, u d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħu, li kkmanda lil missirijietna biex jobdu. 59 U jalla kliemi li bih tlabt lil Ġeħova għall-ħniena jkun qrib Ġeħova l-Alla tagħna billejl u binhar, sabiex kuljum jaqbeż għalija u għall-poplu tiegħu Iżrael skont il-bżonn. 60 sabiex il-popli kollha tal-art ikunu jafu li Ġeħova hu l-Alla l-veru. M’hemmx ħliefu! 61 Mela ħa jkollkom qalb sħiħa maʼ* Ġeħova l-Alla tagħna billi timxu mar-regoli tiegħu u billi tobdu l-kmandamenti tiegħu bħalma qed tagħmlu llum.”
62 U r-re u Iżrael kollu offrew ħafna sagrifiċċji quddiem Ġeħova. 63 Salamun offra s-sagrifiċċji tal-paċi lil Ġeħova. Hu offra 22,000 baqra u 120,000 nagħġa. B’hekk, ir-re u l-Iżraelin kollha inawguraw id-dar taʼ Ġeħova. 64 Dakinhar ir-re kellu jqaddes il-parti tan-nofs tal-bitħa li tinsab quddiem id-dar taʼ Ġeħova, għax hemm kellu joffri s-sagrifiċċji tal-ħruq, l-offerti taċ-ċereali,* u l-biċċiet tax-xaħam tas-sagrifiċċji tal-paċi. Dan sar għax l-artal tar-ram li jinsab quddiem Ġeħova kien żgħir wisq biex jesaʼ dawn is-sagrifiċċji kollha. 65 F’dak iż-żmien, Salamun għamel festa mal-Iżraelin kollha quddiem Ġeħova l-Alla tagħna għal sebat ijiem u sebat ijiem oħra, 14-il jum b’kollox. Ġiet kongregazzjoni kbira mill-pajjiż kollu, minn Lebo-ħamat* sal-Wied tal-Eġittu. 66 L-għada,* hu bagħat lin-nies u huma bierku lir-re u marru lura d-dar, kuntenti u qalbhom mimlija ferħ minħabba l-qalb tajba li Ġeħova wera mal-qaddej tiegħu David u mal-poplu tiegħu Iżrael.