Levitiku
6 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 2 “Jekk xi ħadd jidneb u ma jkunx leali lejn Ġeħova billi jqarraq b’xi ħadd dwar xi ħaġa li fdalu jew refaʼ għandu, jew jisirqu jew jiħodlu xi ħaġa bi frodi, 3 jew isib xi ħaġa mitlufa u jqarraq dwarha, u jekk jaħlef b’mod falz dwar xi dnub bħal dan li hu jistaʼ jagħmel, għandu jsir hekk: 4 Jekk dineb u sar ħati, irid jagħti lura dak li seraq, dak li ħa bil-forza, dak li ħa bi frodi, dak li ġie fdat għandu, jew il-ħaġa mitlufa li sab, 5 jew kwalunkwe ħaġa li dwarha ħalef b’mod falz, u jrid jagħti kumpens sħiħ għaliha, u jżid magħha 20 fil-100 taʼ kemm tiswa. Hu jagħtiha lil sidha dakinhar li jinstab ħati. 6 U bħala offerta għall-ħtija, hu jieħu lil Ġeħova muntun bla difett mill-merħla skont il-valur stmat, bħala offerta għall-ħtija. Hu jiħodha għand il-qassis. 7 Il-qassis jagħmel tpattija għalih quddiem Ġeħova, u b’hekk tinħafirlu kwalunkwe ħaġa li setaʼ għamel u li biha nstab ħati.”
8 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 9 “Ikkmanda lil Aron u lit-tfal tiegħu u għidilhom, ‘Din hi l-liġi tal-offerta tal-ħruq: L-offerta tal-ħruq tibqaʼ fuq in-nar tal-artal il-lejl kollu sa filgħodu, u n-nar jitħalla jaqbad fuq l-artal. 10 Il-qassis jilbes il-libsa uffiċjali tal-għażel u l-qalziet qasir* tal-għażel minn taħt fuq il-ġilda. Imbagħad ineħħi l-irmied* tal-offerta tal-ħruq li nħarqet bin-nar fuq l-artal, u jqiegħdu maġenb l-artal. 11 Imbagħad jbiddel ħwejġu u joħroġ l-irmied lejn post nadif ’il barra mill-kampijiet. 12 In-nar jitħalla jaqbad fuq l-artal. M’għandux jintefa. U l-qassis irid jaħraq il-ħatab fuqu kull filgħodu u jqiegħed l-offerta tal-ħruq fuqu, u jaħraq fuqu x-xaħam tas-sagrifiċċji taʼ paċi. 13 In-nar jinżamm jaqbad il-ħin kollu fuq l-artal. M’għandux jintefa.
14 “‘Issa din hi l-liġi tal-offerta taċ-ċereali:* It-tfal t’Aron għandhom jippreżentawha quddiem Ġeħova, quddiem l-artal. 15 Wieħed minnhom jieħu ponn mid-dqiq fin imħallat biż-żejt tal-offerta taċ-ċereali u l-inċens abjad kollu tagħha, u jaħraqhom fuq l-artal bħala riħa pjaċevoli,* bħala simbolu tal-offerta sħiħa* għal Ġeħova. 16 Dak li jibqaʼ minnha jikluh Aron u t-tfal tiegħu. Jittiekel bħala ħobż bla ħmira f’post qaddis. Jikluh fil-bitħa tat-tinda tal-laqgħa. 17 M’għandux jissajjar bil-ħmira. Jien tajtu bħala sehemhom mill-offerti tiegħi li jiġu maħruqin. Din hi xi ħaġa mill-iktar qaddisa, bħall-offerta għad-dnub u bħall-offerta għall-ħtija. 18 Dan jittiekel minn kull raġel mit-tfal t’Aron. Dan hu sehemhom għal dejjem matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom mill-offerti taʼ Ġeħova li jiġu maħruqin. Kulma jmiss mal-offerti jitqaddes.’”
19 Ġeħova reġaʼ kellem lil Mosè: 20 “Din hi l-offerta li Aron u t-tfal tiegħu jridu jippreżentaw lil Ġeħova dakinhar li Aron jiġi midluk: l-għaxra fil-100 t’efa* dqiq fin bħala offerta regolari taċ-ċereali, nofsha filgħodu u nofsha filgħaxija. 21 Din titħallat biż-żejt u ssir fuq pjanċa. Int tiħodha mħallta sew biż-żejt u tippreżentaha f’biċċiet bħala prodott imsajjar tal-offerta taċ-ċereali, bħala riħa pjaċevoli* għal Ġeħova. 22 Din jagħmilha l-qassis il-kbir* li jiġi warajh mit-tfal tiegħu. Din hi liġi għal żmien twil: Bħala offerta sħiħa tiġi maħruqa għal Ġeħova. 23 Kull offerta taċ-ċereali taʼ qassis għandha tkun offerta sħiħa. Din m’għandhiex tittiekel.”
24 Ġeħova reġaʼ kellem lil Mosè u qallu: 25 “Għid lil Aron u lit-tfal tiegħu, ‘Din hi l-liġi tal-offerta għad-dnub: Fil-post fejn tinqatel l-offerta tal-ħruq għandha tinqatel ukoll l-offerta għad-dnub quddiem Ġeħova. Din hi xi ħaġa mill-iktar qaddisa. 26 Il-qassis li joffriha għad-dnub jiekol sehmu mill-offerta. Jittiekel f’post qaddis, fil-bitħa tat-tinda tal-laqgħa.
27 “‘Kulma jmiss maʼ laħamha jsir qaddis, u meta xi ħadd iċappas ħwejġu bi ftit minn demmha, il-ħaġa li ċċappset bid-demm għandek taħsilha f’post qaddis. 28 Ir-reċipjent tal-fuħħar li titgħalla fih għandu jitkisser. Imma jekk titgħalla f’reċipjent tar-ram, dan għandu jingħorok u jitlaħlaħ bl-ilma.
29 “‘Kull raġel minn fost il-qassisin jiekol sehmu mill-offerta. Din hi xi ħaġa mill-iktar qaddisa. 30 Madankollu, ebda offerta għad-dnub ma trid tittiekel jekk ftit mid-demm tagħha jiddaħħal fit-tinda tal-laqgħa biex issir tpattija fil-post qaddis. Għandha tiġi maħruqa bin-nar.