Ħosea
11 “Meta Iżrael kien tifel, jien kont inħobbu,
U mill-Eġittu għajjatt lil ibni.
Huma baqgħu jagħmlu sagrifiċċji lill-istatwi taʼ Bagħal
U joffru sagrifiċċji lill-istatwi minquxin.
3 Imma kont jien li għallimt lil Efrajm jimxi, u rfajtu;
Huma lanqas biss indunaw li fejjaqthom.
4 Jien użajt l-imħabba u l-qalb tajba bħal ħbula* biex niġbidhom lejja;
U jien kont bħal xi ħadd li refgħalhom il-madmad minn fuq għonqhom,*
U bil-ħlewwa tajt ikel lil kull wieħed minnhom.
5 Huma mhux se jmorru lura fl-art tal-Eġittu, imma l-Assirja se tkun ir-re tagħhom,
Għax ma jridux jiġu lura għandi.
6 L-għedewwa se jattakkaw il-bliet tiegħu bix-xabla,
Ikissru l-istaneg tiegħu, u jeqirdu lin-nies tal-bliet minħabba l-pjanijiet ħżiena tagħhom.
7 Il-poplu tiegħi hu determinat li ma jkunx leali lejja.
Għalkemm għajtulhom biex imorru lura għand dak li qiegħed fl-għoli,* ħadd ma qam.
8 Kif nistaʼ nabbandunak, Efrajm?
Kif nistaʼ nagħtik f’idejn l-għedewwa, Iżrael?
Kif nistaʼ nittrattak bħal Adma?
Kif nistaʼ nagħmillek bħal Sebojim?
Jien biddilt fehmti;
Fl-istess ħin tqanqalt biex nuri ħniena.
9 Jien mhux se nisfoga r-rabja tiegħi.
Efrajm, mhux se nerġaʼ neqirdek,
Għax jien Alla u mhux bniedem,
Il-Qaddis f’nofsok;
U mhux se niħodha kontrik b’rabja.
10 Huma se jerġgħu jqimu lil Ġeħova, u hu se jgħajjat bħal iljun;
Meta jgħajjat, it-tfal tiegħu se jiġu jitriegħdu mill-Punent.
11 Huma se jitriegħdu bħal għasfur meta joħorġu mill-Eġittu,
U bħal ħamiema meta joħorġu mill-art tal-Assirja;
U jien se ngħinhom jissetiljaw fid-djar tagħhom,” jgħid Ġeħova.
12 “Efrajm il-ħin kollu jigdibli.
Kull fejn inħares nara l-qerq t’Iżrael.
Imma Ġuda xorta jimxi m’Alla,
U hu leali lejn l-Iktar Qaddis.”