Ittra lil-Lhud
3 Għalhekk, aħwa qaddisin li ġejtu mistiedna* biex tmorru fis-sema, ikkunsidraw l-eżempju taʼ Ġesù, il-wieħed li aċċettajna bħala appostlu u l-qassis il-kbir. 2 Hu kien leali lejn Alla li inkarigah, bħalma Mosè kien leali meta qeda fil-kongregazzjoni* t’Alla. 3 Għax Ġesù jistħoqqlu iktar glorja minn Mosè, peress li min jibni dar ikollu iktar unur mid-dar infisha. 4 Naturalment, kull dar tinbena minn xi ħadd, imma dak li bena kollox hu Alla. 5 Mosè qeda lealment fil-kongregazzjoni t’Alla bħala xhud tal-affarijiet li Alla kien se jgħid iktar tard, 6 imma Kristu ħa ħsieb lealment il-kongregazzjoni t’Alla bħala Iben. Aħna l-kongregazzjoni* t’Alla jekk nibqgħu nitkellmu bil-libertà tal-kelma u nżommu sod mat-tama li niftaħru biha.
7 Għalhekk, bħalma jgħid permezz tal-ispirtu qaddis: “Illum jekk tisimgħu minni, 8 ma twebbsux qalbkom bħal meta missirijietkom ġegħluni nirrabja ħafna dakinhar li għaddewni minn prova fid-deżert. 9 Missirijietkom għaddewni minn prova u ttestjawni, minkejja li raw dak li għamilt għal 40 sena. 10 Hu għalhekk li ma ħadtx pjaċir b’din il-ġenerazzjoni u rrabjajt magħha, u għedt: ‘Huma rashom iebsa u dejjem jagħmlu dak li tixtieq qalbhom, u ma jobdux dak li ngħidilhom.’ 11 Għalhekk, ħlift waqt li kont irrabjat: ‘Huma mhux se jidħlu fil-mistrieħ tiegħi.’”
12 L-aħwa, oqogħdu attenti li ħadd minnkom ma jkollu qalb ħażina mingħajr fidi għax ikun tbiegħed mill-Alla l-ħaj; 13 imma ibqgħu inkuraġġixxu lil xulxin kuljum, sakemm għadna qed ngħixu fi żmien li jissejjaħ “Illum,” ħalli ħadd minnkom ma jwebbes rasu billi jiġi mqarraq bil-qawwa tad-dnub. 14 Infatti, aħna jkollna sehem mal-Kristu biss jekk inżommu sod sal-aħħar il-fiduċja li kellna meta bdejna nemmnu. 15 Bħalma hemm miktub fl-Iskrittura: “Illum jekk tisimgħu minni, ma twebbsux raskom bħal meta missirijietkom ġegħluni nirrabja ħafna.”
16 Għax min kienu dawk li semgħu u xorta ġegħluh jirrabja ħafna? Mhux dawk kollha li ħarġu mill-Eġittu taħt it-tmexxija taʼ Mosè? 17 Iktar minn hekk, Alla b’min ma ħax pjaċir u rrabja għal 40 sena? Mhux b’dawk li għamlu dnub u b’hekk mietu fid-deżert? 18 U lil min ħalef li mhux se jidħol fil-mistrieħ tiegħu? Mhux lil dawk li m’obdewhx? 19 B’hekk naraw li ma daħlux fil-mistrieħ tiegħu għax ma kellhomx fidi.