L-Aħbar Tajba Skont Ġwanni
3 Issa kien hemm Fariżew jismu Nikodemu, li kien mexxej tal-Lhud. 2 Dan mar għand Ġesù billejl u qallu: “Rabbi,* aħna nafu li Alla bagħtek bħala għalliem, għax ħadd ma jistaʼ jagħmel dawn il-mirakli li qed tagħmel int kieku Alla ma jkunx miegħu.” 3 Ġesù wieġbu: “Naċċertak li jekk xi ħadd ma jerġax jitwieled mill-ġdid,* hu ma jistax jidħol fis-Saltna t’Alla.”* 4 Nikodemu qallu: “Kif jistaʼ raġel jitwieled meta jkun xjaħ? Ħadd ma jistaʼ jerġaʼ jidħol f’żaqq ommu u jitwieled, hux hekk?” 5 Ġesù wieġbu: “Naċċertak li jekk xi ħadd ma jitgħammidx bl-ilma u ma jirċivix l-ispirtu t’Alla u jitwieled,* ma jistax jidħol fis-Saltna t’Alla. 6 Dawk li jitwieldu mill-bnedmin huma tal-art, imma dawk li jintgħażlu mill-ispirtu qaddis huma tas-sema. 7 Tistagħġibx għax għedtlek li għandkom terġgħu titwieldu. 8 Ir-riħ jonfoħ fejn irid, u int tismaʼ l-ħoss tiegħu, imma ma tkunx taf minn fejn ġej u fejn sejjer. B’mod simili, int ma tistax tifhem kif xi ħadd jitwieled mill-ispirtu.”
9 Nikodemu wieġbu: “Kif jistaʼ jkun dan?” 10 Ġesù qallu: “Int għalliem f’Iżrael u ma tafx dawn l-affarijiet? 11 Naċċertak li aħna nitkellmu dwar dak li nafu u nagħtu xhieda dwar dak li rajna, imma intom ma taċċettawx ix-xhieda li nagħtu. 12 Jekk kellimtkom dwar l-affarijiet li huma fuq l-art u intom xorta m’emmintunix, kif se temmnuni meta nkellimkom dwar l-affarijiet li huma fis-sema? 13 Iktar minn hekk, ebda bniedem ma kien* fis-sema ħlief jien, Bin il-bniedem, li nżilt mis-sema. 14 U bħalma Mosè għolla s-serp fid-deżert, jien, Bin il-bniedem, se nitgħolla min-nies 15 biex kull min jemmen fija jkun jistaʼ jgħix għal dejjem.
16 “Għax Alla tant ħabb lid-dinja li ta lili, l-uniku Iben* tiegħu, biex kull min juri fidi fija ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem. 17 Għax Alla ma bagħatx lili, Ibnu, fid-dinja biex niġġudika d-dinja, imma biex id-dinja tiġi salvata permezz tiegħi. 18 Kull min juri fidi fija mhux se jiġi ġġudikat, imma kull min ma jurix fidi diġà ġie ġġudikat, għax ma jkunx wera fidi f’ismi, l-uniku Iben* t’Alla. 19 Id-dawl ġie fid-dinja, imma minflok ma ħabbew id-dawl, in-nies ħabbew id-dlam, għax huma jagħmlu l-ħażin. Hu għalhekk li se jiġu kkundannati. 20 Għax dak li jagħmel il-ħażin jobgħod id-dawl u ma jmurx fih, ħalli d-dawl ma jkunx jistaʼ jikxef il-ħażen li qed jagħmel. 21 Imma kull min jagħmel dak li hu tajjeb imur fid-dawl, ħalli kulma jagħmel ikun jidher ċar li hu fi qbil maʼ dak li jrid Alla.”
22 Wara, Ġesù u d-dixxipli tiegħu marru fil-kampanja tal-Lhudija. Hemmhekk hu qattaʼ l-ħin magħhom u għammed lin-nies. 23 Imma anki Ġwanni kien qed jgħammed. Hu kien qiegħed f’Għajnun qrib Salim fejn kien hemm għadira kbira. In-nies baqgħu jmorru jitgħammdu għandu, 24 għax kien għadu ma ġiex mitfugħ il-ħabs.
25 Id-dixxipli taʼ Ġwanni kellhom argument maʼ Lhudi dwar kif ikunu nodfa f’għajnejn Alla.* 26 Wara, huma marru għand Ġwanni u qalulu: “Rabbi, ir-raġel li kien miegħek in-naħa l-oħra tal-Ġordan, li int tajt xhieda dwaru, qiegħed jgħammed lin-nies. Kulħadd qed imur għandu.” 27 Ġwanni wieġeb: “Bniedem ma jistaʼ jkollu xejn jekk ma jirċivihx mingħand Alla. 28 Intom stess xhieda li jien għedt, ‘M’iniex il-Kristu, imma jien intbgħatt qablu.’ 29 L-għarusa hi tal-għarus. Imma l-ħabib tal-għarus, meta joqgħod ħdejh u jisimgħu jitkellem, ikun ferħan ħafna. Bl-istess mod, jien vera ferħan. 30 Id-dixxipli tiegħu se jkomplu jiżdiedu, imma tiegħi jonqsu.”
31 Dak li jiġi minn fuq hu fuq kulħadd. Dak li jiġi mill-art jitkellem dwar affarijiet li huma fuq l-art, għax hu mill-art ġej. Dak li jiġi mis-sema hu fuq kulħadd. 32 Hu jagħti xhieda dwar dak li ra u semaʼ, imma ħadd ma jaċċetta dak li jgħid. 33 Kull min aċċetta dak li qal jemmen b’qalbu kollha* li Alla hu veru. 34 Għax dak li ntbagħat minn Alla jgħid il-kliem t’Alla, għax Hu jagħti l-ispirtu qaddis b’mod ġeneruż. 35 Il-Missier iħobbu lill-Iben u ħalla kollox f’idejh. 36 Min juri fidi fl-Iben ikollu l-ħajja taʼ dejjem, imma min ma jobdix lill-Iben mhux se jkollu l-ħajja taʼ dejjem u Alla se jibqaʼ rrabjat miegħu.