L-Aħbar Tajba Skont Luqa
18 Imbagħad Ġesù qalilhom eżempju dwar kemm hu importanti li dejjem jitolbu u ma jaqtgħux qalbhom. 2 Hu qal: “F’belt kien hemm imħallef li ma kienx jirrispetta lil* Alla u ma jimpurtahx min-nies. 3 F’dik il-belt kien hemm ukoll armla li baqgħet tmur għandu u tgħidlu, ‘Agħmel ċert li tieħu deċiżjoni ġusta fil-każ li għandi maʼ dak taʼ kontrija.’ 4 Għal xi żmien hu ma riedx jgħinha, imma wara qal bejnu u bejn ruħu, ‘Għalkemm ma nirrispettax lil* Alla u ma jimpurtanix min-nies, 5 peress li din l-armla se tibqaʼ ddejjaqni, se nagħmel ċert li nieħu deċiżjoni ġusta fil-każ tagħha, ħalli ma tibqax tiħodli rasi.’”* 6 Imbagħad il-Mulej qal: “Innotajtu x’qal l-imħallef għalkemm mhuwiex raġel sewwa? 7 Allura taħsbu li Alla mhux se jagħmel ċert li ssir ġustizzja mal-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar għall-għajnuna? Barra minn hekk, Alla juri paċenzja magħhom. 8 Naċċertakom li hu se jara li ssirilhom ġustizzja malajr. Minkejja dan, meta niġi jien, Bin il-bniedem, se nsib fidi bħal din* fuq l-art?”
9 Ukoll, hu ta eżempju lil xi wħud li kienu jqisu li ħaddieħor mhu xejn u kienu jafdaw fihom infushom għax jaħsbu li huma ġusti. Hu qal: 10 “Żewġt irġiel telgħu fit-tempju biex jitolbu, wieħed kien Fariżew u l-ieħor kien jiġbor it-taxxi. 11 Il-Fariżew qagħad bilwieqfa u beda jitlob hekk f’qalbu, ‘Alla tiegħi, nirringrazzjak li m’iniex bħan-nies l-oħrajn—li jqarrqu biex jieħdu l-affarijiet taʼ ħaddieħor,* li huma inġusti, adulteri—jew saħansitra bħal dan ir-raġel li jiġbor it-taxxi. 12 Jien insum darbtejn fil-ġimgħa u nagħti l-għaxra fil-100 taʼ kulma naqlaʼ.’ 13 Imma dak li jiġbor it-taxxi, li kien ’il bogħod mhux ħażin, lanqas biss ażżarda jħares lejn is-sema, imma kompla jagħti fuq sidru u jgħid, ‘Alla tiegħi, ħenn għalija għax jien midneb.’* 14 Naċċertakom li dan ir-raġel mar id-dar u Alla kkunsidrah iktar ġust mill-Fariżew. Għax kull min jiftaħar bih innifsu jiġi umiljat, u kull min hu umli se jiġi mfaħħar.”
15 Imbagħad in-nies bdew jieħdu t-tfal żgħar tagħhom għand Ġesù biex iberikhom billi jpoġġi jdejh fuqhom. Xħin id-dixxipli raw dan, bdew jirrabjaw magħhom. 16 Imma hu għajjat lit-tfal biex jiġu ħdejh u qal: “Ħallu t-tfal żgħar jiġu għandi. Tipprovawx twaqqfuhom, għax is-Saltna t’Alla* hi għal min hu bħalhom. 17 Naċċertakom li kull min ma jaċċettax is-Saltna t’Alla bħal tifel żgħir żgur li ma jkunx parti minnha.”
18 U mexxej staqsieh: “Għalliem Tajjeb, xi rrid nagħmel biex ngħix għal dejjem?” 19 Ġesù wieġbu: “Għala tgħidli tajjeb? Ħadd mhu tajjeb ħlief Alla. 20 Int tafhom il-kmandamenti, ‘Tagħmilx adulterju, toqtolx, tisraqx, tixhidx falz, irrispetta lil missierek u lil ommok.’” 21 Imbagħad ir-raġel qal: “Dawn ilni nobdihom minn mindu kont żgħir.” 22 Xħin semaʼ hekk, Ġesù qallu, “Ħaġa waħda jonqsok: Bigħ kulma għandek u l-flus agħtihom lill-foqra, u jkollok affarijiet li Alla jqishom importanti.* Imbagħad ejja u kun dixxiplu tiegħi.” 23 Xħin semaʼ hekk, hu għamel ħafna dwejjaq, għax kien sinjur ħafna.
24 Ġesù ħares lejh u qal: “Se jkun vera diffiċli għal dawk li għandhom ħafna flus biex jidħlu fis-Saltna t’Alla! 25 Fil-fatt, hu eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn taʼ labra tal-ħjata milli raġel sinjur jidħol fis-Saltna t’Alla.” 26 Dawk li semgħuh qalu: “Mela min jistaʼ jiġi salvat?” 27 Hu qal: “Dak li hu impossibbli għan-nies, mhuwiex impossibbli għal Alla.” 28 Imma Pietru qallu: “Aħna tlaqna dak li kellna u ġejna warajk.” 29 Qalilhom: “Naċċertakom li kull min telaq lid-dar, lill-mara, lil ħutu, lill-ġenituri, jew lit-tfal minħabba s-Saltna t’Alla, 30 se jirċievi ħafna iktar issa u ħajja taʼ dejjem fil-futur.”*
31 Imbagħad Ġesù kellem lit-Tnax waħedhom u qalilhom: “Bħalissa telgħin Ġerusalemm, u se jiġri dak kollu li l-profeti kitbu dwari, Bin il-bniedem. 32 Pereżempju, se jagħtuni f’idejn in-nies taʼ pajjiżi oħra biex jgħadduni biż-żmien, jittrattawni b’diżrispett, u jobżquli. 33 U wara li jsawtuni, joqtluni. Imma se niġi rxoxtat fit-tielet jum.” 34 Imma huma ma fehmu xejn minn dan, għax it-tifsira taʼ dak li qal kienet moħbija minnhom.
35 Hekk kif Ġesù kien viċin Ġeriko, kien hemm raġel li ma jarax jittallab mal-ġenb tat-triq. 36 Peress li semaʼ folla għaddejja, beda jistaqsi x’qed jiġri. 37 Qalulu: “Għaddej Ġesù n-Nazzarenu!” 38 Għalhekk għajjat: “Ġesù Bin David, ħenn għalja!” 39 Dawk li kienu mexjin fuq quddiem bdew jgħajtu miegħu biex jieqaf, imma hu iktar beda jgħajjat: “Bin David, ħenn għalija.” 40 Imbagħad Ġesù waqaf u kkmanda biex iġibulu r-raġel ħdejh. Xħin ġie viċin, Ġesù staqsieh: 41 “Kif nistaʼ ngħinek?” Dan qallu: “Mulej, ħallini nerġaʼ nara.” 42 Għalhekk Ġesù qallu: “Ħa jsir hekk. Il-fidi tiegħek fejqitek.” 43 U r-raġel mill-ewwel reġaʼ beda jara, u beda jimxi warajh ifaħħar lil Alla. Xħin in-nies raw dan, huma bdew ifaħħru lil Alla wkoll.