Rut
4 U Bogħaż telaʼ ħdejn bieb il-belt u poġġa hemmhekk. U ara, kien għaddej ir-raġel* li jiġi mill-qrib minn Elimelek u li Bogħaż kien tkellem dwaru. U Bogħaż qallu: “Ersaq ’l hawn, poġġi ftit bilqiegħda.” Hu resaq u poġġa bilqiegħda. 2 U Bogħaż ġabar għaxart irġiel mill-anzjani* tal-belt u qalilhom: “Poġġu hawn.” U dawn qagħdu bilqiegħda.
3 Bogħaż imbagħad qal lir-raġel: “Nagħomi, li ġiet lura mill-inħawi taʼ Mowab, ħa jkollha tbigħ il-biċċa art li kienet taʼ ħuna, Elimelek. 4 Jien ħassejt li għandi ngħidlek quddiem in-nies tal-belt u l-anzjani tal-poplu tiegħi biex tixtriha. Jekk se tifdiha,* ifdiha. Imma jekk mhux se tifdiha għidli, biex inkun naf, għax int għandek id-dritt biex tifdiha l-ewwel, u jien warajk.” U dan qallu: “Jien lest li nifdiha.” 5 Imbagħad Bogħaż qallu: “Dakinhar li tixtri l-għalqa mingħand Nagħomi, għandek tixtriha wkoll mingħand Rut il-Mowabija, mart il-mejjet, biex il-wirt jibqaʼ fuq isem il-mejjet.”* 6 Xħin semaʼ dan, ir-raġel wieġbu: “Ma nistax nifdiha, għax nistaʼ nagħmel ħsara lill-wirt tiegħi. Ħu d-dritt li għandi jien u ifdiha int, għax jien ma nistax nifdiha.”
7 Biex jikkonfermaw ftehim f’Iżrael, raġel kellu jinżaʼ s-sandlija u jagħtiha lill-ieħor. Din kienet id-drawwa fl-antik f’Iżrael biex ikun jgħodd kull ftehim dwar id-dritt li xi ħadd jifdi u jpartat. 8 Għalhekk, meta qal lil Bogħaż, “Ixtriha għalik,” ir-raġel neżaʼ s-sandlija. 9 Imbagħad Bogħaż qal lill-anzjani u lin-nies kollha: “Illum intom xhieda li qed nixtri mingħand Nagħomi kulma kellu Elimelek u kulma kellhom Kiljon u Maħlon. 10 U qed nieħu wkoll bħala marti lil Rut il-Mowabija, mart Maħlon, biex il-wirt jibqaʼ fuq isem il-mejjet, u biex ismu ma jinqatax minn fost ħutu u minn bieb beltu. Illum intom xhieda taʼ dan.”
11 U n-nies kollha li kien hemm f’bieb il-belt u l-anzjani qalu: “Aħna xhieda! Ħa jbierek Ġeħova l-mara li ġejja f’darek. Jalla tkun bħal Rakele u Lea, li t-tnejn li huma bnew dar Iżrael. Bogħaż, jalla tirnexxi f’Efrata u tagħmel isem tajjeb* għalik f’Betlem. 12 Jalla l-familja tiegħek issir bħal dik taʼ Pereż, it-tifel taʼ Tamar u Ġuda, permezz taʼ dawk li Ġeħova se jagħtik minn din il-mara żagħżugħa.”
13 B’hekk, Bogħaż ħa lil Rut bħala martu. Hu kellu x’jaqsam magħha u bil-barka taʼ Ġeħova ħarġet tqila u kellha tifel. 14 Imbagħad in-nisa qalu lil Nagħomi: “Ikun imfaħħar Ġeħova, li llum ipprovdielek lil xi ħadd li jiġi minn żewġek biex jgħinek. Jalla isem it-tifel jixxandar f’Iżrael! 15 Permezz tat-tifel erġajt ħadt ir-ruħ u hu se jieħu ħsiebek fi xjuħitek, għax wilditu mart ibnek, li tħobbok u li għalik hi aħjar minn sebaʼ subien.” 16 Nagħomi ħadet it-tifel u żammitu f’idejha, u bdiet tieħu ħsiebu. 17 U n-nisa ġirien tawh isem u qalu: “Lil Nagħomi twildilha tifel,” u semmewh Għobed. Dan jiġi missier Ġesse, missier David.
18 Issa dawn huma dawk li ġew minn* Pereż: Pereż kellu lil Ħesron; 19 Ħesron kellu lil Ram; Ram kellu lil Għamminadab; 20 Għamminadab kellu lil Naħson; Naħson kellu lil Salmon; 21 Salmon kellu lil Bogħaż; Bogħaż kellu lil Għobed; 22 Għobed kellu lil Ġesse; u Ġesse kellu lil David.