Ġeremija
38 Sefatija bin Mattan, Gedalija bin Pasħur, Ġukal bin Selemija, u Pasħur bin Malkija semgħu l-messaġġ li jien, Ġeremija, kont qed ngħid lill-poplu kollu: 2 “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Dawk li jibqgħu f’din il-belt se jmutu bix-xabla, bil-ġuħ, u bil-mard.* Imma kull min iċedi ruħu lill-Kaldin se jibqaʼ ħaj u jsalva ħajtu.’ 3 Hekk jgħid Ġeħova, ‘Din il-belt żgur li se tingħata lill-armata tar-re taʼ Babilonja, u hu se jirbaħha.’”
4 Il-mexxejja qalu lir-re: “Jekk jogħġbok, oqtol lil dan ir-raġel, għax bil-mod kif qed jitkellem qed jaqtaʼ qalb is-suldati li baqaʼ f’din il-belt u anki tan-nies kollha. Għax dan ir-raġel ma jridx li dawn in-nies ikollhom il-paċi, imma l-inkwiet.” 5 Ir-Re Sedekija wieġeb: “Agħmlu bih dak li tridu intom. Għax jien, ir-re, ma nistaʼ nagħmel xejn biex inwaqqafkom.”
6 Allura qabdu lili, Ġeremija, u niżżluni bil-ħbula fil-ġiebja taʼ Malkija bin* ir-re, li kienet fil-Bitħa tal-Għassa. F’din il-ġiebja ma kienx hemm ilma, imma ħama biss, u jien bdejt nieżel fil-ħama.
7 Għebed-melek l-Etjopjan u ewnuku* fil-palazz tar-re, semaʼ li kienu tefgħu lili, Ġeremija, fil-ġiebja. Ir-re kien bilqiegħda fil-Bieb taʼ Benjamin. 8 Għalhekk, Għebed-melek ħareġ mill-palazz tar-re, u qallu: 9 “Sidi r-re, dak li għamlu dawn l-irġiel lill-profeta Ġeremija hu ħażin. Huma tefgħuh fil-ġiebja, u hu se jmut hemm minħabba l-ġuħ, għax ma baqax iżjed ħobż fil-belt.”
10 Imbagħad ir-re kkmanda lil Għebed-melek l-Etjopjan: “Ħu miegħek 30 raġel minn hawn, u tellgħu lill-profeta Ġeremija mill-ġiebja qabel imut.” 11 Allura, Għebed-melek ħa miegħu l-irġiel u marru fil-palazz tar-re taħt il-post fejn jinżammu t-teżori. Minn hemm ħadu ħwejjeġ u ċraret qodma, u niżżluhomli bil-ħbula fil-ġiebja. 12 Imbagħad Għebed-melek l-Etjopjan qalli: “Jekk jogħġbok Ġeremija, poġġi dawn il-ħwejjeġ u ċ-ċraret qodma bejn taħt idejk u l-ħbula.” U jien hekk għamilt. 13 U huma ġibduni bil-ħbula u tellgħuni mill-ġiebja. U jien, Ġeremija, bqajt arrestat fil-Bitħa tal-Għassa.
14 Ir-Re Sedekija bagħat għalija, il-profeta Ġeremija, biex immur għandu fit-tielet daħla fid-dar taʼ Ġeħova, u r-re qalli: “Għandi mistoqsija għalik. Taħbi xejn minni.” 15 Imbagħad għedt lil Sedekija: “Jekk ngħidlek, żgur toqtolni. U jekk nagħtik parir, mhux se tismaʼ minni.” 16 Allura r-Re Sedekija ħalifli bil-moħbi: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj, li tana din il-ħajja, li mhux se noqtlok u mhux se nagħtik f’idejn dawn l-irġiel li qed jipprovaw joqtluk.”
17 Imbagħad jien, Ġeremija, għedt lil Sedekija: “Hekk jgħid Ġeħova, l-Alla tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘Jekk iċċedi għall-uffiċjali tar-re taʼ Babilonja, int tibqaʼ ħaj, din il-belt mhux se jaħarquha, u int u dawk taʼ darek tibqgħu ħajjin. 18 Imma jekk ma ċċedix għall-uffiċjali tar-re taʼ Babilonja, din il-belt se tingħata lill-Kaldin, huma se jaħarquha, u int mhux se teħlisha minn taħt idejhom.’”
19 Imbagħad ir-Re Sedekija qal lili, Ġeremija: “Qed nibżaʼ mil-Lhud li ħarbu għand il-Kaldin, għax jekk nispiċċa taħt idejhom, se jittrattawni bl-aħrax.” 20 Imbagħad jien għedtlu: “M’intix se tingħata f’idejhom. Jekk jogħġbok, obdi dak li qed jgħidlek Ġeħova permezz tiegħi, u ma jiġrilek xejn ħażin, u tibqaʼ tgħix. 21 Imma jekk tirrifjuta li ċċedi, Ġeħova wrieni li se jiġri hekk: 22 In-nisa kollha li fadal fil-palazz tar-re taʼ Ġuda qed jittieħdu għand l-uffiċjali tar-re taʼ Babilonja u huma qed jgħidu,
‘L-irġiel li fdajt fihom* qarrqu bik u għelbuk.
Lilek niżżlulek sieqek fil-ħama, u abbandunawk.’
23 “U n-nisa u t-tfal subien kollha tiegħek qed jittieħdu għand il-Kaldin, u int mhux se teħlisha minn taħt idejhom. Imma r-re taʼ Babilonja se jaħtfek, u minħabba fik, din il-belt se tinħaraq.”
24 Imbagħad Sedekija qal lili, Ġeremija: “Tħalli lil ħadd ikun jaf dwar dan, ħalli ma tmutx. 25 U jekk il-mexxejja jisimgħu li tkellimt miegħek, u jgħidulek, ‘Ġeremija, jekk jogħġbok, għidilna x’għedt lir-re. Taħbi xejn minna, u ma noqtlukx. Ir-re x’qallek?’ 26 int għandek twiġibhom, ‘Kont qed nitlob lir-re biex ma jerġax jibgħatni fid-dar taʼ Ġeħonatan ħalli mmut hemmhekk.’”
27 Maż-żmien, il-mexxejja kollha ġew għandi, Ġeremija, biex jagħmluli xi mistoqsijiet. Jien għedtilhom dak kollu li r-re kkmandani biex ngħid. Allura ma qaluli xejn iżjed, għax ħadd ma kien semaʼ b’dak li konna għedna. 28 Jien, Ġeremija, bqajt fil-Bitħa tal-Għassa sa dakinhar li ntrebħet Ġerusalemm.