Ġeremija
39 Fl-għaxar xahar tad-disaʼ sena tat-tmexxija tar-Re Sedekija taʼ Ġuda, ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja u l-armata kollha tiegħu ġew Ġerusalemm u assedjawha.
2 Fid-disaʼ jum tar-rabaʼ xahar tal-11-il sena tat-tmexxija taʼ Sedekija, huma nifdu s-swar tal-belt. 3 L-uffiċjali kollha tar-re taʼ Babilonja daħlu u qagħdu bilqiegħda fil-Bieb tan-Nofs. Dawn kienu Nergal-sareser is-Samgar, Nebo-sarsekim ir-Rabsaris,* Nergal-sareser ir-Rabmag,* u l-kumplament tal-uffiċjali kollha tar-re taʼ Babilonja.
4 Meta r-Re Sedekija taʼ Ġuda u s-suldati kollha rawhom, ħarbu billejl billi ħarġu mill-belt mit-triq tal-ġnien tar-re, għaddew mill-bieb taʼ bejn iż-żewġ ħitan, u komplew mit-triq li tagħti għall-Għaraba. 5 Imma l-armata tal-Kaldin ġrew warajhom u laħqu lil Sedekija fil-pjanuri tad-deżert taʼ Ġeriko. Huma qabduh u ħaduh għand ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja f’Ribla fl-art taʼ Ħamat. Hemmhekk qatagħlu s-sentenza. 6 Ir-re taʼ Babilonja qatel it-tfal subien taʼ Sedekija quddiem għajnejh f’Ribla u qatel ukoll in-nies importanti taʼ Ġuda. 7 Imbagħad għama lil Sedekija u wara rabtu bil-ktajjen tar-ram biex jieħdu f’Babilonja.
8 Imbagħad il-Kaldin ħarqu l-palazz tar-re u d-djar tan-nies, u waqqgħu s-swar taʼ Ġerusalemm. 9 Nebużaradan il-kap tal-gwardji ħa fl-eżilju f’Babilonja lin-nies li kien għad fadal fil-belt, lil dawk li kienu marru jagħtu ruħhom f’idejh, u lil kull min kien għad baqaʼ.
10 Imma Nebużaradan il-kap tal-gwardji ħalla xi ftit mill-iktar nies foqra, dawk li ma kellhom xejn, fl-art taʼ Ġuda. Dakinhar hu tahom għelieqi tad-dwieli u għelieqi biex jaħdmu.*
11 Ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja ta dan il-kmand dwari, Ġeremija, lil Nebużaradan il-kap tal-gwardji: 12 “Ħudu u ħu ħsiebu. Tweġġgħux u agħtih kulma jitolbok.”
13 Għalhekk, Nebużaradan il-kap tal-gwardji, Nebusażban ir-Rabsaris,* Nergal-sareser ir-Rabmag,* u l-irġiel importanti kollha tar-re taʼ Babilonja bagħtu xi rġiel 14 u dawn ħarġuni mill-Bitħa tal-Għassa. Huma tawni f’idejn Gedalija bin Aħikam in-neputi taʼ Safan biex jiħodni fid-dar tiegħu. Allura jien, Ġeremija, għext fost il-poplu.
15 Waqt li jien, Ġeremija, kont arrestat fil-Bitħa tal-Għassa, Ġeħova tani dan il-messaġġ: 16 “Mur u għid lil Għebed-melek l-Etjopjan, ‘Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael: “Jien se nwettaq dak li għedt fuq din il-belt. Mhux se nġib affarijiet tajbin, imma diżastru, u int se tarah dan.”’
17 “‘Imma dakinhar, jien se neħilsek u m’intix se tingħata f’idejn l-irġiel li qed tibżaʼ minnhom,’ jgħid Ġeħova.
18 “‘Jien żgur nipprovdilek mod kif taħrab, u m’intix se tmut bix-xabla. Int se tibqaʼ ħaj, għax fdajt fija,’ jgħid Ġeħova.”