Ġożwè
23 Ħafna jiem wara li Ġeħova ppermetta lil Iżrael ikollu l-paċi billi salvah mill-għedewwa kollha taʼ madwaru, meta Ġożwè xjaħ u kien wasal biex imut, 2 Ġożwè ġabar lil Iżrael kollu, l-anzjani,* il-kapijiet, l-imħallfin, u l-uffiċjali tiegħu, u qalilhom: “Jien xjaħt u wasalt biex immut. 3 Intom rajtu kulma Ġeħova l-Alla tagħkom għamel lil dawn il-popli kollha biex jgħinkom, għax kien Ġeħova l-Alla tagħkom li ġġieled għalikom. 4 Jien qassamtilkom bix-xorti* l-art tal-popli li baqaʼ bħala wirt għat-tribujiet tagħkom, kif ukoll l-art tal-popli kollha li qridt, mill-Ġordan sal-Baħar il-Kbir* lejn il-Punent.* 5 U kien Ġeħova l-Alla tagħkom li baqaʼ jwarrabhom minn quddiemkom, u keċċiehom* għalikom, u intom ħadtu arthom f’idejkom, bħalma kien wegħedkom Ġeħova l-Alla tagħkom.
6 “Issa tridu tkunu kuraġġużi ħafna biex tobdu u tagħmlu kulma hemm miktub fil-ktieb tal-Liġi taʼ Mosè, billi qatt ma twarrbu minnu lejn il-lemin jew lejn ix-xellug 7 u billi qatt ma titħalltu maʼ dawn il-popli li baqaʼ magħkom. Lanqas biss għandkom issemmu l-ismijiet t’allathom jew taħilfu bihom, u qatt m’għandkom taqduhom jew tmilu quddiemhom. 8 Imma għandkom tintrabtu maʼ Ġeħova l-Alla tagħkom, bħalma għamiltu sal-lum. 9 Ġeħova se jkeċċi lil popli kbar u b’saħħithom minn quddiemkom bħalma għamel sal-lum, għax ħadd ma kien kapaċi jegħlibkom. 10 Wieħed minnkom se jiġri wara elf, għax hu Ġeħova l-Alla tagħkom li qed jiġġieled għalikom, bħalma wegħedkom. 11 Għalhekk, kunu għassa l-ħin kollu billi tħobbu lil Ġeħova l-Alla tagħkom.
12 “Imma jekk idduru lura u tintrabtu maʼ dawk li baqaʼ magħkom minn dawn il-popli u titħalltu biż-żwieġ magħhom u tagħmluha magħhom, 13 kunu ċerti li Ġeħova l-Alla tagħkom mhux se jkompli jkeċċi lil* dawn il-popli għalikom. Huma jsiru għalikom nasba, nassa, daqqiet taʼ frosta fuq ġenbejkom, u xewk f’għajnejkom sakemm tinqerdu minn fuq din l-art tajba li takom Ġeħova l-Alla tagħkom.
14 “Issa ara, jien wasalt biex immut,* u intom tafu sew b’qalbkom u b’ruħkom* kollha li ma kienx hemm wegħda li ma seħħitx mill-wegħdi tajbin kollha li Ġeħova l-Alla tagħkom qalilkom. Kollha saru għalikom. Ma kienx hemm kelma waħda minnhom li baqgħet ma seħħitx. 15 Imma bħalma saru għalikom il-wegħdi tajbin kollha li qalilkom Ġeħova l-Alla tagħkom, hekk ukoll Ġeħova jġib fuqkom il-gwaj kollu li wiegħed* u jeqridkom għalkollox minn din l-art tajba li takom Ġeħova l-Alla tagħkom. 16 Jekk tiksru l-patt taʼ Ġeħova l-Alla tagħkom li kkmandakom biex tobdu u jekk tmorru u taqdu allat oħrajn u tmilu quddiemhom, Ġeħova jirrabja ħafna magħkom u tinqerdu malajr mill-art tajba li takom.”