Ġeremija
4 “Iżrael, jekk tiġi lura,” jgħid Ġeħova,
“Jekk terġaʼ lura għandi
U tneħħi l-idoli moqżieża tiegħek minn quddiemi,
Imbagħad ma jkollokx għalfejn tibqaʼ taħrab.”
2 U jekk tgħid il-verità u tkun ġust u sewwa
Meta taħlef b’Ġeħova l-Alla ħaj,
Imbagħad il-popli kollha se jiġu mberkin permezz tiegħu,
U se jiftaħru bih m’oħrajn.
3 Għax Ġeħova hekk jgħidilhom lill-irġiel taʼ Ġuda u Ġerusalemm:
“Aħdmu art li hi tajba għall-ħrit,
U tibqgħux tiżirgħu qalb ix-xewk.
4 Irġiel taʼ Ġuda u nies li tgħixu Ġerusalemm,
Naddfu lilkom infuskom b’mod li jogħġob lil Ġeħova,
U naddfu lil qalbkom,*
Ħalli r-rabja kbira tiegħi ma taqbadx bħal nar,
Bħal nar li ħadd ma jistaʼ jitfih,
Minħabba l-affarijiet ħżiena li tagħmlu.”
5 Għidu f’Ġuda, u xandru f’Ġerusalemm.
Għajtu u doqqu l-qarn mal-pajjiż kollu.
Għidu b’leħen għoli: “Inġabru flimkien,
U ejja naħarbu fil-bliet iffortifikati.
6 Għollu arblu bħala sinjal lejn Sijon.
Fittxu fejn tistkennu u tibqgħux weqfin,”
Għax se nġib diżastru mit-Tramuntana, qerda kbira.
7 Ħareġ il-wieħed li jeqred il-popli,
Bħalma joħroġ iljun minn fejn ikun qed jistaħba.
Hu telaq minn pajjiżu biex jagħmel l-art tagħkom diżastru.
Il-bliet tagħkom se jsiru ħerba u ħadd mhu se jibqaʼ jgħix fihom.
Għax Ġeħova għadu rrabjat ħafna magħna.
9 Ġeħova jgħid, “Dakinhar ir-re se jaqtaʼ qalbu,*
U anki l-prinċpijiet;
Il-qassisin se jibżgħu, u l-profeti se jibqgħu mbellhin.”
10 Imbagħad għedt: “Jaħasra, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,* Int vera qarraqt b’dan il-poplu u b’Ġerusalemm billi għedt, ‘Intom se jkollkom il-paċi,’ meta għandna x-xabla m’għonqna.”*
11 F’dak iż-żmien lil dan il-poplu u lil Ġerusalemm se jgħidulhom:
“Ġej riħ jaħraq mill-għoljiet tad-deżert li ma jikber xejn fihom
U se jkaxkar il-poplu tiegħi;*
Dan mhux ġej biex ineħħi l-qoxra taż-żerriegħa jew biex inaddaf.
12 Dan ir-riħ qawwi ġej minn dawn il-postijiet meta nikkmandah jien.
Issa se ngħid il-ġudizzji kontra l-poplu tiegħi.
13 L-għadu ġej bħas-sħab tax-xita,
U l-karrijiet tiegħu bħal riħ taʼ maltempata.
Iż-żwiemel tiegħu huma eħfef mill-ajkli.
Ħażin għalina, għax aħna mitlufin!
14 Ġerusalemm, neħħi l-ħażen minn qalbek ħalli ssalva.
Kemm se ddum taħseb fuq affarijiet ħżiena?
15 Għax xi ħadd qed jagħti aħbar minn Dan,
U qed ixandar diżastru mill-muntanji t’Efrajm.
16 Iva, għidu dan lill-popli;
Xandruh lil Ġerusalemm.”
“Ġejjin għassiesa* minn pajjiż ’il bogħod,
U huma se jgħollu leħinhom kontra l-bliet taʼ Ġuda.
17 Huma ġejjin kontriha minn kull naħa bħal gwardji tal-kampanja,
Għax hi rribellat kontrija,” jgħid Ġeħova.
18 “Se jkollok tħallas għal dak li għamilt u għal kif ġibt ruħek.
Id-diżastru tiegħek se jkun kbir,
Għax ir-ribelljoni tiegħek niżlet sew f’qalbek!”
19 Xi dwejjaq għandi,* xi dwejjaq għandi!
Qed inħoss uġigħ kbir f’qalbi.
Qalbi qed tħabbat ħafna.
20 Ġie rrapportat diżastru wara l-ieħor,
Għax il-pajjiż kollu ġie meqrud.
F’daqqa waħda nqerdu t-tined tiegħi,
U f’ħakka t’għajn id-drappijiet tat-tined tiegħi.
21 Kemm se ndum nara l-arblu bħala sinjal,
U nismaʼ l-ħoss tal-qarn?
22 Għax il-poplu tiegħi hu iblah;
Ma jagħtix kasi.
Huma tfal stupidi li mhux kapaċi jifhmu.
Huma jilħqilhom* biex jagħmlu affarijiet ħżiena,
Imma ma jafux kif jagħmlu t-tajjeb.
23 Rajt li l-pajjiż kien vojt u abbandunat.
Ħarist lejn is-sema, u ma kellhiex iżjed dawl.
24 Rajt li l-muntanji kienu qed jitheżżu,
U l-għoljiet jitriegħdu.
25 Rajt li ma kien hemm ebda bniedem,
U l-għasafar kienu ħarbu kollha.
26 U rajt li l-pajjiż li kien bħal ġnien tas-siġar tal-frott spiċċa deżert,
U l-bliet tiegħu twaqqgħu kollha.
Ġeħova għamel dan
Għax kien irrabjat ħafna.
27 Għax Ġeħova hekk jgħid: “Il-pajjiż kollu se jiġi abbandunat,
Imma mhux se neqirdu għalkollox.
28 Minħabba f’hekk, il-pajjiż se jitnikket,
U s-sema se tiddallam.
Għax jien hekk għedt, hekk iddeċidejt,
U la se nbiddel fehmti* u lanqas se jerġaʼ jibdieli.
29 Mal-ħoss tar-rikkieba taż-żwiemel u tal-arċieri,
In-nies kollha tal-belt jaħarbu.
Huma jmorru fejn hemm is-siġar żgħar,
U jitilgħu mal-blat.
Il-bliet kollha huma mitluqin,
U ebda bniedem ma jgħix fihom.”
30 Issa li int* ġejt ħerba, x’se tagħmel?
Int kont tilbes ħwejjeġ ħomor jgħajtu,
Tiżżejjen bid-deheb,
U tiżbogħ għajnejk bl-iswed* biex tkabbarhom.
Imma għalxejn ipprovajt tidher sabiħa,
Għax dawk li kienu jiġru warajk warrbuk;
Issa qed ifittxu li joqtluk.
31 Għax smajt għajjat bħal meta tgħajjat mara bl-uġigħ,
L-għajjat taʼ mara li qed twelled l-ewwel tarbija tagħha,
Il-leħen taʼ bint Sijon b’nifisha maqtugħ.
Hi u tiftaħ idejha, tgħid:
“Ħażin għalija, għax jien għejejt* minħabba dawk li qed jipprovaw joqtluni!”