Ġeremija
24 Ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja ħa fl-eżilju minn Ġerusalemm għal Babilonja lir-Re Ġekonija* taʼ Ġuda bin Ġeħojakim, flimkien mal-mexxejja taʼ Ġuda, l-irġiel tas-sengħa, u l-ħaddieda.* Imbagħad Ġeħova wrieni żewġt iqfief tat-tin li kienu quddiem it-tempju taʼ Ġeħova. 2 Qoffa minnhom kellha tin tajjeb ħafna, bħall-ewwel tin li jinqataʼ. Imma l-qoffa l-oħra kellha tin ħażin ħafna, tant kien ħażin li ma setax jittiekel.
3 Imbagħad Ġeħova staqsieni: “X’int tara Ġeremija?” Jien għedtlu: “Tin. It-tin tajjeb hu tajjeb ħafna. Imma l-ħażin hu ħażin ħafna, tant li ma jistax jittiekel.”
4 Imbagħad Ġeħova qalli: 5 “Jien Ġeħova, l-Alla t’Iżrael, ngħid hekk, ‘L-eżiljati taʼ Ġuda li jien bgħatt minn dan il-post għall-art tal-Kaldin huma bħat-tin tajjeb. Lil dawn jien inqishom tajbin. 6 Se nżomm għajnejja fuqhom biex nieħu ħsiebhom u se nagħmel ċert li jerġgħu lura f’dan il-pajjiż. Jien se ngħinhom jirnexxu, u mhux inkissirhom. Se nħawwilhom, u mhux naqlagħhom. 7 U se nqanqal lil qalbhom biex ikunu jafuni sew, biex ikunu jafu li jien Ġeħova. Huma se jsiru l-poplu tiegħi, u jien se nsir l-Alla tagħhom, għax huma se jerġgħu jiġu għandi b’qalbhom kollha.
8 “‘Imma dwar it-tin ħażin li tant hu ħażin li ma jistax jittiekel, jien Ġeħova ngħid hekk, “Bl-istess mod se nqis lir-Re Sedekija taʼ Ġuda, il-mexxejja tiegħu, dawk li baqgħu jgħixu Ġerusalemm, u dawk li qed jgħixu l-Eġittu. 9 Se nġiegħel lis-saltniet kollha tal-art jibżgħu meta jaraw l-inkwiet li se nġib fuqhom. In-nies se jmaqdruhom, se jużawhom bħala eżempju taʼ nies li batew l-inkwiet, se jwaqqgħuhom għaċ-ċajt, u se jisħtuhom kull fejn inxerridhom. 10 U se neqridhom bix-xabla, bil-ġuħ, u bil-mard,* sakemm ma jibqaʼ ħadd minnhom fil-pajjiż li tajt lilhom u lil missirijiethom.”’”