Danjel
5 Is-Sultan Belsassar+ għamel festa kbira għal elf mill-kbarat tiegħu, u kien qed jixrob l-inbid+ quddiem dawn l-elf ruħ. 2 Bl-effett taʼ l-inbid li xorob,+ Belsassar qalilhom biex iġibulu r-reċipjenti tad-deheb u tal-fidda+ li missieru* Nebukadnessar kien ġarr mit-tempju li kien f’Ġerusalemm, biex jixorbu minnhom is-sultan u l-kbarat tiegħu, il-konkubini tiegħu, u n-nisa sekondarji tiegħu.+ 3 Dak il-ħin ġabu r-reċipjenti tad-deheb li kienu ġarrew mit-tempju tad-dar t’Alla li kienet f’Ġerusalemm, u minnhom xorbu s-sultan u l-kbarat tiegħu, il-konkubini tiegħu, u n-nisa sekondarji tiegħu. 4 Xorbu l-inbid, u faħħru lill-allat tad-deheb u tal-fidda, tar-ram aħmar, tal-ħadid, taʼ l-injam, u tal-ġebel.+
5 Dak il-ħin dehru s-swabaʼ taʼ id taʼ bniedem u bdew jiktbu quddiem il-gandlier fuq il-kisi tal-ħajt tal-palazz tas-sultan,+ u s-sultan beda jara l-wara taʼ l-id li kienet qed tikteb. 6 Imbagħad wiċċ is-sultan biddel il-kulur, u ħsibijietu stess bdew ibeżżgħuh,+ u l-ġogi taʼ ġenbejh inħallu+ u rkopptejh bdew iħabbtu maʼ xulxin.+
7 Is-sultan beda jgħajjat b’leħen għoli biex iġibulu lil dawk li kienu jsejħu lill-ispirti, lill-Kaldin, u lill-astroloġi.+ Is-sultan tkellem u qal lill-għorrief taʼ Babilonja: “Min jaqra din il-kitba u jinterpretahieli jiġi mlibbes il-porpra,+ b’ġiżirana tad-deheb madwar għonqu, u jaħkem bħala t-tielet wieħed fis-saltna.”+
8 Dak il-ħin daħlu l-għorrief kollha tas-sultan, imma ma kinux kapaċi biżżejjed biex jaqraw din il-kitba jew biex jinterpretawha lis-sultan.+ 9 Għaldaqstant, is-Sultan Belsassar ħassu mbeżżaʼ ferm u l-kulur taʼ wiċċu beda jitbiddel; u l-kbarat tiegħu tħawdu.+
10 Inkwantu għas-sultana, minħabba dak li qalu s-sultan u l-kbarat tiegħu, hi daħlet dritt fis-sala taʼ l-ikel. Is-sultana tkellmet u qalet: “O sultan, ibqaʼ għix għal dejjem.+ Tħallix ħsibijietek ibeżżgħuk, u tħallix kulur wiċċek jitbiddel. 11 Hemm raġel kapaċi fis-saltna tiegħek li fih hemm l-ispirtu taʼ l-allat qaddisin;+ u fi żmien missierek instabu fih tidwil, dehen, u għerf bħall-għerf taʼ l-allat, u missierek is-Sultan Nebukadnessar ħatru bħala kap+ tal-qassisin li jipprattikaw il-maġija, taʼ dawk li jsejħu lill-ispirti, tal-Kaldin, u taʼ l-astroloġi, iva, missierek, O sultan, 12 ladarba kienu nstabu f’Danjel, li s-sultan semmieh Beltesassar,+ spirtu straordinarju u għarfien u dehen biex jinterpreta l-ħolm,+ u abbiltà li jispjega l-ħaġa moħġaġa u li jħoll l-għoqod.+ Issa ħa jsejħu lil Danjel, sabiex jagħtik l-interpretazzjoni tagħha.”
13 Għalhekk, Danjel iddaħħal quddiem is-sultan. Is-sultan tkellem u qal lil Danjel: “Int dak Danjel, wieħed mill-eżiljati taʼ Ġuda,+ li missieri s-sultan ħareġ minn Ġuda?+ 14 Smajt ukoll dwarek li l-ispirtu taʼ l-allat qiegħed fik,+ u li fik instabu tidwil, dehen, u għerf+ straordinarju. 15 U issa ddaħħlu quddiemi l-għorrief u dawk li jsejħu lill-ispirti, sabiex jaqraw din il-kitba, biex jagħtuni l-interpretazzjoni tagħha; imma m’humiex kapaċi biżżejjed biex jinterpretawli l-kelma.+ 16 U jien smajt dwarek li int kapaċi tagħti l-interpretazzjonijiet+ u tħoll l-għoqod. Issa, jekk għandek il-ħila taqra l-kitba u tinterpretahieli, tiġi mlibbes il-porpra, b’ġiżirana tad-deheb madwar għonqok, u int taħkem bħala t-tielet wieħed fis-saltna.”+
17 Dak il-ħin Danjel wieġeb u qal quddiem is-sultan: “Żommhom għalik l-għotjiet tiegħek, u r-rigali tiegħek agħtihom lil ħaddieħor.+ Madankollu, jien se naqra din il-kitba lis-sultan, u nagħtih l-interpretazzjoni tagħha.+ 18 Inkwantu għalik, O sultan, l-Alla l-Iktar Għoli+ lil missierek Nebukadnessar tah+ is-saltna u l-kobor u d-dinjità u l-maestà.+ 19 U minħabba l-kobor li Hu tah, il-popli, il-ġnus, u l-ilsna kollha kienu jitriegħdu u jibżgħu quddiemu.+ Lil min ried hu, kien joqtlu; u lil min ried hu, kien jikkastigah; u lil min ried hu, kien jeżaltah; u lil min ried hu, kien jumiljah.+ 20 Imma meta qalbu tkabbret u webbes rasu, u b’hekk aġixxa bil-prużunzjoni,+ tniżżel minn fuq it-tron taʼ saltnatu, u d-dinjità tiegħu ttieħdet mingħandu.+ 21 U tkeċċa minn fost ulied il-bnedmin, u qalbu ntgħamlet bħal dik taʼ bhima, u kien jgħammar mal-ħmir salvaġġi.+ Kienu jitimgħuh il-ħaxix bħalma jitimgħu lill-barrin, u ġismu xxarrab bin-nida tas-smewwiet,+ sakemm sar jaf li l-Alla l-Iktar Għoli hu l-Ħakkiem fis-saltna tal-bnedmin, u li lil min irid hu jqiegħed fuqha.+
22 “U inkwantu għalik, ibnu* Belsassar,+ int m’umiljajtx ruħek,+ għalkemm kont taf dan kollu.+ 23 Imma eżaltajt lilek innifsek kontra l-Mulej tas-smewwiet,+ u ġabulek quddiemek ir-reċipjenti taʼ daru;+ u int u l-kbarat tiegħek, il-konkubini tiegħek, u n-nisa sekondarji tiegħek xrobtu l-inbid minn ġo fihom, u int faħħart lis-sempliċi allat tal-fidda u tad-deheb, tar-ram aħmar, tal-ħadid, taʼ l-injam, u tal-ġebel,+ li ma jaraw xejn, ma jisimgħu xejn, u ma jafu xejn;+ imma lill-Alla li f’idu qiegħed nifsek+ u li tiegħu huma triqatek kollha,+ int ma gglorifikajtux.+ 24 Għaldaqstant, Alla bagħat id, u ġiegħel li tinkiteb din il-kitba.+ 25 U din hi l-kitba li nkitbet: MENE, MENE, TEKEL, u PARSIN.
26 “Din hi l-interpretazzjoni tal-kelma: MENE, Alla għadd jiem saltnatek u temmha.+
27 “TEKEL, int kont miżun fuq il-miżien u kont misjub bin-nieqes.+
28 “PERES, saltnatek ġiet maqsuma u mogħtija lill-Medin u lill-Persjani.”+
29 Dak il-ħin Belsassar ta l-kmand, u Danjel ġie mlibbes bil-porpra, b’ġiżirana tad-deheb madwar għonqu; u ħabbru dwaru li kellu jsir it-tielet ħakkiem fis-saltna.+
30 Dak il-lejl stess Belsassar, is-sultan Kaldew, inqatel+ 31 u Darju+ l-Medi ħa s-saltna meta kellu madwar tnejn u sittin sena.