Ġeremija
18 Jien, Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova: 2 “Mur sad-dar ta’ dak li jaħdem il-fuħħar, u nkellmek hemm.”
3 Għalhekk, mort għandu u hu kien qed jaħdem fuq ir-rota li tintuża biex jagħmlu l-fuħħar. 4 Imma r-reċipjent tat-tafal li kien qed jagħmel ma ġiehx sew, għalhekk ħadmu f’xi ħaġa oħra bħalma ried hu.
5 Imbagħad Ġeħova qalli: 6 “‘Poplu t’Iżrael, ma nistax jien nagħmlilkom bħalma għamel dan bil-fuħħar?’ jgħid Ġeħova. ‘Poplu t’Iżrael, jien nifformakom bħalma dak li jaħdem il-fuħħar jifforma t-tafal. 7 Kull darba li nitkellem dwar li se naqlaʼ, inwaqqaʼ, u neqred poplu jew saltna, 8 u dan il-poplu ma jibqax jagħmel il-ħażen li avżajthom dwaru, jien ukoll inbiddel fehmti* dwar id-diżastru li kont se nġib fuqhom. 9 Imma kull darba li nitkellem dwar li nibni u ntellaʼ poplu jew saltna, 10 u dan il-poplu jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejja u ma jobdix dak li ngħidlu, jien inbiddel fehmti* dwar it-tajjeb li kont se nagħmillu.’
11 “Jekk jogħġbok, għid lin-nies taʼ Ġuda u lil dawk li joqogħdu Ġerusalemm, ‘Ġeħova jgħid: “Qed nipprepara biex nagħmlilkom il-ħsara u qed naħseb dwar kif se nikkastigakom. Jekk jogħġobkom, duru lura mill-affarijiet ħżiena li qed tagħmlu u rranġaw il-mod kif qed tgħixu u ġġibu ruħkom.”’”
12 Imma huma jgħidu: “Għalxejn qed tinsisti! Għax se nagħmlu kif naħsbu aħna, u b’ras iebsa se nagħmlu dak li tixtieq il-qalb ħażina tagħna.”
13 Għalhekk, Ġeħova jgħid:
“Jekk jogħġobkom, staqsu għall-affari tagħkom fost il-popli
Jekk qattx instemgħet xi ħaġa bħal din.
Iżrael* għamel xi ħaġa tal-biżaʼ ħafna.
14 Il-borra taʼ fuq il-muntanji tal-Libanu ma tinħallx minn fuq il-blat tagħhom.
U l-ilmijiet kesħin tagħhom li ġejjin mill-bogħod ma jinxfux.
15 Imma għall-kuntrarju, il-poplu tiegħi nsieni.
Għax jagħmlu sagrifiċċji* lil xi ħaġa li ma tiswa għal xejn,
U jġiegħlu lil oħrajn jitfixklu mit-triq it-tajba, mit-triq li ilha hemm żmien twil ilu,
Biex jimxu f’toroq mhux prinċipali li huma mħarbta.*
Kull min jgħaddi minn hemm se jibqaʼ ċċassat bil-biżaʼ u jxengel rasu.
17 Jien se nxerridhom quddiem l-għedewwa tagħhom bħalma jagħmel riħ mil-Lvant.
Meta jiġi d-diżastru fuqhom, jien se nagħtihom dahri.”
18 U huma qalu: “Ejja ħa nippjanaw xi ħaġa kontra Ġeremija, għax aħna għandna l-qassisin li se jkomplu jgħallmuna l-liġi,* għandna l-irġiel għorrief li se jkomplu jagħtuna l-pariri, u għandna l-profeti li se jkomplu jgħidulna dak li jgħid Alla. Ejja nitkellmu kontrih* u ma nagħtux kasu.”
19 Ġeħova, agħti kasi
U ismaʼ x’qed jgħidu dawk taʼ kontrija.
20 Għandu t-tajjeb jitpatta bil-ħażin?
Għax huma ħaffru ħofra biex joqtluni.*
Ftakar kemm-il darba ġejt quddiemek biex nitkellem tajjeb dwarhom,
Ħalli b’hekk ma tibqax irrabjat magħhom.
21 Għalhekk, ħalli lit-tfal tagħhom imutu bil-ġuħ,
U l-irġiel jinqerdu bix-xabla.
Jalla n-nisa tagħhom jitilfu t-tfal u jsiru romol.
Jalla l-irġiel tagħhom jinqatlu b’mard qerriedi,
U l-irġiel żgħażagħ tagħhom jinqatlu bix-xabla fil-battalja.
22 Ħa jinstemaʼ l-għajjat mid-djar tagħhom
Meta f’daqqa waħda tibgħat grupp taʼ ħallelin għalihom.
Għax huma ħaffru ħofra biex jaqbduni,
U għamlu nases minn fejn ngħaddi.
23 Imma int, Ġeħova,
Taf sew il-pjanijiet tagħhom biex joqtluni.
Tgħattix l-iżball tagħhom,
U tneħħix id-dnub tagħhom minn quddiemek.
Ħa jitfixklu quddiemek
Meta b’rabja taġixxi kontrihom.