It-Tieni Ktieb tas-Slaten
2 Meta Ġeħova kien wasal biex jieħu lil Elija f’riefnu lejn is-sema, Elija u Eliżew ħarġu minn Gilgal. 2 Elija qal lil Eliżew: “Jekk jogħġbok, oqgħod hawnhekk għax Ġeħova bagħatni Betel.” Imma Eliżew qallu: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj u bik* li m’iniex se nitilqek.” Għalhekk, niżlu Betel. 3 Imbagħad it-tfal tal-profeti* li kienu Betel ħarġu jiltaqgħu m’Eliżew u qalulu: “Taf li llum Ġeħova se jieħu lil sidek milli jkun kap fuqek?” Għal dan qalilhom: “Diġà naf. Titkellmux dwar dan.”
4 Issa Elija qallu: “Jekk jogħġbok, oqgħod hawnhekk għax Ġeħova bagħatni Ġeriko.” Imma Eliżew qal: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj u bik* li m’iniex se nitilqek.” Għalhekk marru Ġeriko. 5 Imbagħad it-tfal tal-profeti li kienu Ġeriko marru ħdejn Eliżew u qalulu: “Taf li llum Ġeħova se jieħu lil sidek milli jkun kap fuqek?” Għal dan qalilhom: “Diġà naf. Titkellmux dwar dan.”
6 Imbagħad Elija qallu: “Jekk jogħġbok, oqgħod hawnhekk għax Ġeħova bagħatni l-Ġordan.” Imma hu qallu: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj u bik* li m’iniex se nitilqek.” Għalhekk, baqgħu sejrin flimkien. 7 U marru wkoll 50 raġel mit-tfal tal-profeti u qagħdu jarawhom mill-bogħod waqt li t-tnejn li huma kienu ħdejn il-Ġordan. 8 Imbagħad Elija ħa l-libsa tiegħu taʼ profeta, irromblaha, u ta daqqa biha fuq l-ilma, u x-xmara nqasmet. B’hekk qasmu fuq art niexfa flimkien.
9 Malli qasmu, Elija qal lil Eliżew: “Itlobni xi tridni nagħmillek qabel nittieħed minn miegħek.” Għalhekk Eliżew qallu: “Jekk jogħġbok, nistaʼ nirċievi sehem doppju* mill-ispirtu tiegħek?” 10 Hu wieġbu: “Tlabt ħaġa diffiċli. Jekk tarani meta nittieħed minn miegħek, jiġri dak li għedt; imma jekk le, ma jiġrix hekk.”
11 Waqt li kienu mexjin jitkellmu, f’daqqa waħda firduhom karru u żwiemel tan-nar, u Elija telaʼ lejn is-sema fir-riefnu. 12 Waqt li Eliżew kien qed jara dan, beda jgħajjat: “Missieri, missieri! Qed nara l-karru t’Iżrael u r-rikkieba taż-żwiemel tiegħu!” Meta ma setax jarah iktar, hu qabad ħwejġu u ċarrathom fi tnejn. 13 Wara, ġabar il-libsa t’Elija li kienet waqgħet minn fuqu, mar lura, u qagħad ħdejn ix-xatt tal-Ġordan. 14 Imbagħad ta daqqa bil-libsa t’Elija fuq l-ilma u qal: “Fejn hu Ġeħova, l-Alla t’Elija?” Meta ta daqqa fuq l-ilma, ix-xmara nqasmet, u b’hekk Eliżew qasam għan-naħa l-oħra.
15 Meta t-tfal tal-profeti li kienu Ġeriko rawh mill-bogħod, huma qalu: “L-ispirtu t’Elija qagħad fuq Eliżew.” Għalhekk, marru jiltaqgħu miegħu u mielu sal-art quddiemu. 16 Huma qalulu: “Għandna 50 raġel kapaċi magħna. Jekk jogħġbok, ħallihom imorru jfittxu lil sidek. Forsi l-ispirtu* taʼ Ġeħova refgħu u tefgħu fuq waħda mill-muntanji jew f’wieħed mill-widien.” Imma hu qalilhom: “Tibagħtuhomx.” 17 Madankollu, baqgħu jinsistu sakemm ħassu skomdu, għalhekk qalilhom: “Ibagħtuhom.” Huma bagħtu l-50 raġel li damu jfittxuh tlett ijiem, imma ma sabuhx. 18 Meta marru lura għandu, hu kien qed joqgħod Ġeriko. Imbagħad qalilhom: “M’għedtilkomx jien biex ma tmorrux?”
19 Maż-żmien, l-irġiel tal-belt qalu lil Eliżew: “Sidna, tistaʼ tara li l-belt qiegħda f’post tajjeb, imma l-ilma hu ħażin u l-art mhix produttiva.”* 20 Għal dan qalilhom: “Newluli skutella żgħira ġdida u itfgħu l-melħ fiha.” U hekk għamlu. 21 Imbagħad ħareġ lejn l-għajn tal-ilma u tefgħalha l-melħ u qal: “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Qed nagħmel dan l-ilma tajjeb. Ma jkunx hemm iktar mewt jew nisa li ma jkollhomx tfal* minħabba fih.’” 22 U l-ilma għadu tajjeb sal-lum, bħalma qal Eliżew.
23 Minn hemmhekk telaʼ Betel. Fi triqtu xi tfal subien ħarġu mill-belt u bdew jiddieħqu bih u jgħidulu: “Itlaq minn hawn ja qargħi! Itlaq minn hawn ja qargħi!” 24 Fl-aħħar dar, ħares lejhom, u seħithom f’isem Ġeħova. Imbagħad ħarġu żewġ orsijiet nisa mill-foresta u qattgħu biċċiet 42 minnhom. 25 Hu baqaʼ sejjer lejn il-Muntanja Karmel, u minn hemm mar lura s-Samarija.