Eżekjel
10 U komplejt inħares, u fuq il-firxa+ li kienet fuq ras il-kerubini kien hemm tidher fuqhom xi ħaġa bħal ħaġra taż-żaffir,+ tixbah lil tron.+ 2 U lir-raġel liebes l-għażel+ qallu: “Idħol bejn ir-roti li jduru bil-ħeffa,+ taħt il-kerubini, u imla l-pali taʼ idejk it-tnejn bil-ġamar+ tan-nar minn bejn il-kerubini u ixħtu fuq il-belt.”+ U daħal, quddiem għajnejja.
3 U l-kerubini kienu weqfin fuq il-lemin tad-dar meta daħal ir-raġel, u s-sħaba kienet qed timla l-bitħa taʼ ġewwa.+ 4 U l-glorja taʼ Ġeħova+ kienet għoliet minn fuq il-kerubini u marret lejn l-għatba tad-dar, u d-dar imtliet bis-sħaba,+ u l-bitħa kienet mimlija bid-dija tal-glorja taʼ Ġeħova. 5 U l-ħoss tal-ġwienaħ tal-kerubini+ kien jinstemaʼ mill-bitħa taʼ barra, bħall-ħoss taʼ meta jitkellem Alla li Jistaʼ Kollox.+
6 U ġara li meta kkmanda lir-raġel liebes l-għażel: “Ħu n-nar minn bejn ir-roti li jduru bil-ħeffa, minn bejn il-kerubini,” dan daħal u waqaf ħdejn ir-rota. 7 Imbagħad il-kerubin ħareġ idu minn bejn il-kerubini lejn in-nar+ li kien hemm bejn il-kerubini+ u ġarru u qiegħdu fil-pali taʼ idejn ir-raġel liebes l-għażel,+ li dan imbagħad ħadu u ħareġ. 8 U deher li l-kerubini kellhom xi ħaġa li tixbah id taʼ bniedem taħt il-ġwienaħ tagħhom.+
9 U komplejt inħares, u kien hemm erbaʼ roti ħdejn il-kerubini, rota ħdejn kerubin wieħed u rota ħdejn kerubin ieħor,+ u r-roti kienu jidhru qishom qed jixegħlu bħal ħaġra tal-krisolitu. 10 U l-erbgħa li huma kienu jidhru l-istess, bħal meta rota tkun f’nofs rota.+ 11 Meta kienu jitilqu kienu jmorru fl-erbaʼ naħat tagħhom. Ma kinux jibdlu d-direzzjoni huma u sejrin, għax fejn kienet tħares ir-ras, ’l hemm kienu jmorru. Ma kinux jibdlu d-direzzjoni huma u sejrin.+ 12 U ġisimhom kollu u daharhom u idejhom u l-ġwienaħ tagħhom u r-roti kienu mimlijin għajnejn dawramejt.+ L-erbgħa li huma kellhom ir-roti tagħhom. 13 U lir-roti ntqalilhom, u dan smajtu b’widnejja, “O roti, duru bil-ħeffa!”
14 U kull wieħed kellu erbaʼ wċuħ.+ L-ewwel wiċċ kien il-wiċċ tal-kerubin, u t-tieni wiċċ kien wiċċ taʼ bniedem,+ u t-tielet kien wiċċ taʼ ljun, u r-rabaʼ kien wiċċ t’ajkla.+
15 U l-kerubini kienu jogħlew+—kienu l-istess ħlejjaq ħajjin li kont rajt ħdejn ix-xmara Kebar+— 16 u meta l-kerubini kienu jitilqu, ir-roti kienu jmorru magħhom;+ u meta l-kerubini kienu jiftħu l-ġwienaħ tagħhom biex jogħlew ’il fuq mill-art, ir-roti ma kinux jibdlu d-direzzjoni minn maġenbhom.+ 17 Meta kienu jieqfu, dawn kienu jieqfu wkoll; u meta kienu jogħlew,+ kienu jogħlew magħhom, għax l-ispirtu li kien fuq il-ħlejjaq ħajjin kien fuqhom ukoll.+
18 U l-glorja+ taʼ Ġeħova telqet minn fuq l-għatba tad-dar u waqfet fuq il-kerubini.+ 19 U l-kerubini issa fetħu l-ġwienaħ tagħhom u għolew mill-art+ quddiem għajnejja. Huma u sejrin, ir-roti wkoll kienu qrib maġenbhom; u waqfu ħdejn id-daħla tal-bieb tal-lvant tad-dar taʼ Ġeħova, u l-glorja taʼ l-Alla taʼ Israel kienet fuqhom, minn fuq.
20 Dawn huma l-ħlejjaq ħajjin+ li kont rajt taħt l-Alla taʼ Israel ħdejn ix-xmara Kebar,+ u għalhekk sirt naf li kienu kerubini. 21 U kull wieħed minnhom, l-erbgħa li huma, kellu erbaʼ wċuħ+ u kull wieħed kellu erbaʼ ġwienaħ, u taħt il-ġwienaħ kellhom bħal idejn taʼ bniedem. 22 U l-uċuħ tagħhom kienu jidhru bħall-uċuħ li kont rajt ħdejn ix-xmara Kebar, bħalhom eżatt.+ Kull kerubin kien imur dritt ’il quddiem.+