Eżodu
27 “U agħmel l-artal mill-injam tal-akaċja twil ħames kubiti* u wiesaʼ ħames kubiti. L-artal għandu jkun kwadru u għoli tliet kubiti. 2 Agħmel qarn fuq kull kantuniera tiegħu. L-erbat iqrun ikunu parti mill-artal u tiksi l-artal bir-ram. 3 Agħmel bramel biex titfaʼ l-irmied* fihom, u agħmel ukoll pali, skutelli, frieket, u reċipjenti għall-ġamar. Dawn l-għodod kollha tagħmilhom tar-ram. 4 Agħmel gradilja tar-ram għall-artal, u agħmel erbaʼ ħolqiet tar-ram fl-erbaʼ kantunieri tagħha. 5 U trid tpoġġi l-gradilja taħt ix-xifer tal-artal u din trid tasal sa nofs l-għoli tal-artal. 6 Trid tagħmel lasti għall-artal mill-injam tal-akaċja u tiksihom bir-ram. 7 Il-lasti jridu jidħlu ġol-ħoloq biex ikun hemm lasta fuq naħa u lasta fuq in-naħa l-oħra tal-artal meta jinġarr. 8 L-artal tagħmlu forma taʼ kaxxa magħmula mit-twavel u vojt minn ġewwa. Irid isir eżatt bħalma wrejtek fuq il-muntanja.
9 “Int se tagħmel il-bitħa tat-tabernaklu. Għan-naħa tax-xellug,* il-bitħa se jkollha mdendlin purtieri tal-għażel fin, twal 100 kubitu. 10 Ikollha 20 pilastru b’20 pedestall tar-ram b’toqba fihom. Il-ganċijiet tal-pilastri u l-irbit* tagħhom ikunu tal-fidda. 11 Il-purtieri mdendlin għan-naħa tal-lemin* ukoll ikunu twal 100 kubitu, u jkollhom 20 pilastru u 20 pedestall tar-ram b’toqba fihom, b’ganċijiet u rbit* tal-fidda għall-pilastri. 12 Tul il-wisaʼ tal-bitħa, fin-naħa taʼ wara,* irid ikun hemm purtieri mdendlin twal 50 kubitu, b’għaxar pilastri u għaxar pedestalli b’toqba fihom. 13 Il-wisaʼ tal-bitħa tan-naħa taʼ quddiem* tkun 50 kubitu. 14 Ikun hemm 15-il kubitu taʼ purtieri mdendlin fuq naħa waħda, bi tliet pilastri u tliet pedestalli b’toqba fihom. 15 U għan-naħa l-oħra, ikun hemm 15-il kubitu taʼ purtieri mdendlin, bi tliet pilastri u tliet pedestalli b’toqba fihom.
16 “Id-daħla tal-bitħa għandu jkollha purtiera twila 20 kubitu u magħmula minn ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin minsuġin kollha flimkien. Ikollha erbaʼ pilastri bl-erbaʼ pedestalli tagħhom. 17 Il-pilastri kollha madwar il-bitħa jkollhom irbit u ganċijiet tal-fidda, imma l-pedestalli tagħhom ikunu tar-ram. 18 Il-bitħa tkun twila 100 kubitu u wiesgħa 50 kubitu, u l-purtieri tal-għażel fin madwar il-bitħa jkunu għoljin ħames kubiti, u jrid ikollha pedestalli tar-ram. 19 L-għodod kollha li jintużaw fis-servizz tat-tabernaklu, kif ukoll l-imsiemer tat-tinda tiegħu u l-imsiemer kollha tal-bitħa, iridu jkunu tar-ram.
20 “Għandek tikkmanda lill-Iżraelin biex iġibulek żejt taż-żebbuġa pur għad-dwal, sabiex il-lampi jinżammu mixgħulin il-ħin kollu. 21 Fit-tinda tal-laqgħa, ’il barra mill-purtiera taʼ ħdejn it-Testimonjanza, Aron u t-tfal tiegħu se jieħdu ħsieb li l-lampi jibqgħu mixgħulin minn filgħaxija sa filgħodu quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom. Din hi liġi għal żmien twil għall-ġenerazzjonijiet kollha tagħhom, u l-Iżraelin iridu jżommu magħha.