Isaija
41 “Intom li toqogħdu fil-gżejjer, oqogħdu kwieti u isimgħuni;*
Intom il-popli, erġgħu iksbu s-saħħa tagħkom.
Ersqu lejja u mbagħad tkellmu.
Ejjew flimkien u jien niġġudikakom.
2 Min ta l-qawwa lil xi ħadd mil-Lvant?*
Min għajjatlu biex jaqdih* ħalli jagħmel ġustizzja,
Biex jagħtih f’idejh il-popli,
U jgħinu jirbaħ lir-rejiet?
Min qed iġibhom trab bix-xabla tiegħu,
U jferrixhom bil-qaws tiegħu bħal tiben li jtir mar-riħ?
3 Hu jiġri warajhom u jgħaddi mingħajr tfixkil
F’toroq li qatt m’għadda minnhom.
4 Min għamel dan
U għajjat lill-ġenerazzjonijiet mill-bidu?
Jien, Ġeħova, jien l-Ewwel Wieħed;
In-nies imorru u jiġu imma jien nibqaʼ l-istess.”
5 In-nies tal-gżejjer raw x’għamel u bdew jibżgħu.
Dawk li joqogħdu fit-truf tal-art bdew jitriegħdu.
Huma nġabru flimkien.
6 Kull wieħed jgħin lil sieħbu,
U jgħid lil ħuh: “Kun kuraġġuż.”
7 Għalhekk, il-ħaddiem tas-sengħa jsaħħaħ lill-ħaddied;
Dak li jillixxa bil-martell isaħħaħ lil dak li juża l-mazza fuq l-inkwina.
Hu jgħid li l-ħadid ġie mwaħħal sew.
Imbagħad l-istatwa titwaħħal bl-imsiemer ħalli ma taqax.
8 “Imma Iżrael, int il-qaddej tiegħi,
Ġakobb, int il-wieħed li jien għażilt,
Id-dixxendent tal-ħabib* tiegħi Abraham.
9 Lilek ħadtek minn truf l-art,
U għajjattlek mill-iktar partijiet ’il bogħod.
Jien għedtlek, ‘Int il-qaddej tiegħi;
Jien għażiltek; ma warrabtekx.
10 Tibżax, għax jien miegħek.
Tkunx ansjuż, għax jien l-Alla tiegħek.
Jien se nsaħħek, iva, jien se ngħinek.
Se nżommok sod b’idi l-leminija, bl-id li tagħmel dak li hu sewwa.’
11 Dawk kollha li jirrabjaw miegħek se jkollhom jistħu u se jiġu umiljati.
Dawk li jiġġieldu kontrik se jiġu fix-xejn u jisparixxu.
12 Int se tfittex irġiel li jiġġieldu miegħek, imma mhux se ssibhom.
L-irġiel li jiggwerraw kontrik se jsiru bħal xi ħaġa li ma teżistix u li mhi assolutament xejn.
13 Għax jien, Ġeħova l-Alla tiegħek, qed naqbdek minn idek il-leminija
U ngħidlek, ‘Tibżax. Jien se ngħinek.’
14 Tibżax Ġakobb, daqsxejn taʼ dudu,*
Nies t’Iżrael, jien se ngħinkom,” jgħid Ġeħova, Dak li Jixtrikom Lura, il-Qaddis t’Iżrael.
15 “Jien għamiltek bħal slitta tad-dris,
Bħal għodda tad-dris li taqtaʼ ħafna.
Int se tkisser il-muntanji u tfarrakhom,
U l-għoljiet se ġġibhom bħal qoxra taʼ żerriegħa.
Int se tifraħ minħabba dak li għamel Ġeħova,
U se tiftaħar minħabba dak li għamel il-Qaddis t’Iżrael.”
17 “Dawk fil-bżonn u l-foqra qed ifittxu l-ilma, imma m’hemmx.
Ilsienhom niexef minħabba l-għatx li għandhom.
Jien, Ġeħova, se ngħinhom.
Jien, l-Alla t’Iżrael, mhux se nitlaqhom.
18 Se nagħmel xmajjar fuq l-għoljiet li ma jitlaʼ xejn fuqhom
U għejun tal-ilma fil-pjanuri fil-widien.
Se nbiddel ix-xagħri f’għadajjar bil-qasab
U l-art niexfa f’għejun tal-ilma.
19 Fid-deżert se nħawwel siġar taċ-ċedri,
Tal-akaċja, tar-riħan, u tal-arżnu.
Fil-pjanura tad-deżert se nħawwel siġar tal-ġnibru,
Tal-fraxxnu, u taċ-ċipress,
20 Ħalli n-nies kollha jkunu jistgħu jaraw, ikunu jafu,
Joqogħdu attenti, u jifhmu
Li Ġeħova għamel dan,
U l-Qaddis t’Iżrael ħalqu.”
21 Ġeħova jgħid, “Ippreżentaw il-każ tagħkom.”
Ir-Re taʼ Ġakobb jgħid, “Ġibu l-provi tagħkom.”
22 “Ġibu l-evidenza u għidulna l-affarijiet li se jiġru.
Għidulna dwar l-affarijiet li ġraw,*
Ħalli nkunu nistgħu nirriflettu fuqhom* u nkunu nafu r-riżultat tagħhom.
Jew għidulna l-affarijiet li ġejjin.
23 Għidulna x’se jiġri fil-futur,
Ħalli nkunu nafu li intom allat.
Iva, agħmlu xi ħaġa, tajjeb jew ħażin,
Ħalli nibqgħu mistagħġbin meta narawha.
24 Intom xi ħaġa li ma teżistix,
U dak li tagħmlu ma jiswa xejn.
Kull min jagħżel li jqim lilkom hu taʼ min jobogħdu.
25 Jien tajt il-qawwa lil xi ħadd mit-Tramuntana, u dan se jiġi.
Hu se jsejjaħ ismi minn fejn titlaʼ x-xemx.*
Se jgħaffeġ fuq il-mexxejja* bħallikieku kienu tafal,
Bħalma xi ħadd li jaħdem il-fuħħar jgħaffeġ tafal frisk.
26 “Min qal dan mill-bidu biex stajna nkunu nafu,
Jew min qal dan mill-passat biex stajna ngħidu, ‘Għandu raġun’?
Infatti, ħadd minnkom ma ħabbar dan!
Ħadd ma qalu!
Ma smajna xejn mingħandkom!”
27 Jien kont l-ewwel wieħed li għedt lil Sijon: “Ara x’se jiġri!
U f’Ġerusalemm se nibgħat messaġġier b’aħbar tajba.
28 Imma bqajt infittex, u ma kien hemm ħadd;
Ma kien hemm ħadd fosthom li jagħti parir.
Għalkemm bqajt nistaqsihom, ħadd ma wieġeb.
Mhuma kapaċi jagħmlu xejn.
L-istatwi tal-metall* tagħhom huma bħal riħ u bħal xi ħaġa mhix vera.