It-Tieni Kronaki
20 Wara dan, il-Mowabin u l-Għammonin, flimkien m’oħrajn minn Għammon,* marru jiggwerraw kontra Ġeħosafat. 2 Għalhekk lil Ġeħosafat qalulu: “Ġejja kontrik armata kbira ħafna mir-reġjun tal-baħar,* minn Edom. Din l-armata qiegħda f’Ħasason-tamar, jiġifieri Għajn-gedi.” 3 Għal dan, Ġeħosafat beżaʼ u kien determinat li jfittex lil Ġeħova. Għalhekk, qal lin-nies kollha taʼ Ġuda biex isumu. 4 Imbagħad in-nies taʼ Ġuda nġabru flimkien biex jitolbu għall-għajnuna taʼ Ġeħova. Huma marru mill-bliet kollha taʼ Ġuda biex jistaqsu għall-gwida taʼ Ġeħova.
5 Imbagħad Ġeħosafat qam bilwieqfa fil-kongregazzjoni taʼ Ġuda u taʼ Ġerusalemm fid-dar taʼ Ġeħova quddiem il-bitħa l-ġdida, 6 u qal:
“Ġeħova l-Alla taʼ missirijietna, int Alla fis-sema, int qed tmexxi fuq is-saltniet kollha tal-popli. F’idek għandek il-qawwa u s-saħħa, u ħadd m’għandu l-ħila jiħodha kontrik. 7 Alla tagħna, int keċċejt lin-nies taʼ din l-art minn quddiem il-poplu tiegħek Iżrael u mbagħad tajtha lil dawk li jiġu minn Abraham il-ħabib tiegħek biex tkun tiegħu għal dejjem. 8 Huma ssetiljaw fiha, u bnew santwarju għal ismek, u qalu, 9 ‘Jekk jiġi diżastru fuqna, kemm jekk bix-xabla, b’kastig, bil-pesta, jew bil-ġuħ, ħa noqogħdu quddiem din id-dar u quddiemek (għax ismek qiegħed f’din id-dar) u ngħajtulek għall-għajnuna minħabba d-diffikultà tagħna, u int tismagħna u ssalvana.’ 10 Issa ara x’qed jagħmlu l-irġiel t’Għammon, taʼ Mowab, u tar-reġjun muntanjuż tas-Segħir. Int ma ħallejtx lill-Iżraelin jattakkawhom meta ħarġu mill-art tal-Eġittu. L-Iżraelin tbiegħdu minnhom u ma qerduhomx għalkollox. 11 Huma qed ipattu t-tajjeb bil-ħażin għax qed ikeċċuna mill-art tiegħek li tajtna bħala wirt. 12 Alla tagħna, m’intix se tiġġudikahom? Għax aħna ma nistgħu nagħmlu xejn quddiem din l-armata kbira li ġejja kontrina, u ma nafux x’għandna nagħmlu, imma għajnejna huma fuqek.”
13 Sadanittant, dawk kollha minn Ġuda kienu quddiem Ġeħova, flimkien man-nisa u t-tfal* tagħhom, inkluż iż-żgħar.
14 Imbagħad f’nofs il-kongregazzjoni, l-ispirtu taʼ Ġeħova niżel fuq Ġaħażijel bin Żakkarija, bin Benaja, bin Ġegħijel, bin Mattanija l-Levita mit-tfal t’Asaf. 15 Hu qal: “Isimgħu nies kollha taʼ Ġuda u taʼ Ġerusalemm u int, Re Ġeħosafat! Hekk jgħidilkom Ġeħova, ‘Tibżgħux u titwerwrux minħabba din l-armata kbira, għax il-battalja mhix tagħkom imma tiegħi, l-Alla tagħkom. 16 Għada inżlu għalihom. Huma se jkunu telgħin mit-triq taʼ Sis, u se ssibuhom f’tarf il-wied qabel id-deżert taʼ Ġerwel. 17 Mhux se jkollkom għalfejn tiġġieldu din il-battalja. Ħudu postkom, tiċċaqalqux, u araw kif Ġeħova se jsalvakom. Nies taʼ Ġuda u Ġerusalemm tibżgħux u titwerwrux. Għada oħorġu għalihom, u Ġeħova jkun magħkom.’”
18 Minnufih Ġeħosafat miel b’wiċċu sal-art, u n-nies kollha taʼ Ġuda u taʼ Ġerusalemm inxteħtu quddiem Ġeħova biex iqimu lil Ġeħova. 19 Imbagħad il-Leviti li kienu jiġu mill-Keħatin u l-Koraħin qamu biex ifaħħru lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael b’leħen għoli.
20 L-għada qamu kmieni u ħarġu lejn id-deżert taʼ Tekogħa. Huma u ħerġin, Ġeħosafat qam bilwieqfa u qal: “Isimgħuni, nies taʼ Ġuda u Ġerusalemm! Afdaw f’Ġeħova l-Alla tagħkom sabiex tkunu tistgħu tissaportu. Afdaw il-profeti tiegħu u tirnexxu.”
21 Wara li ftiehem man-nies, hu inkariga rġiel biex ikantaw u jfaħħru lil Ġeħova lebsin ħwejjeġ qaddisin. Huma kellhom jagħmlu dan waqt li jkunu ħerġin qabel l-irġiel armati, u jgħidu: “Irringrazzjaw lil Ġeħova, għax l-imħabba u l-lealtà* tiegħu jibqgħu għal dejjem.”
22 Meta bdew ikantaw u jfaħħruh bil-ferħ, Ġeħova qiegħed xi rġiel mistoħbijin biex jattakkaw lill-irġiel t’Għammon, taʼ Mowab, u tar-reġjun muntanjuż tas-Segħir li kienu qed jattakkaw lil Ġuda, u dawn bdew jiġġieldu kontra xulxin. 23 U l-Għammonin u l-Mowabin daru kontra n-nies tar-reġjun muntanjuż tas-Segħir biex jeqirduhom u jġibuhom fix-xejn. Wara li għamlu dan, huma qerdu lil xulxin.
24 U meta n-nies taʼ Ġuda waslu ħdejn it-torri tal-għassa fid-deżert, huma ħarsu lejn l-armata u raw l-iġsma mejtin tagħhom fl-art. Ħadd ma ħelisha. 25 Għalhekk, Ġeħosafat u n-nies tiegħu marru jiħdulhom l-affarijiet, u sabu ammont kbir taʼ ġid, ħwejjeġ, u affarijiet prezzjużi. Huma ħadu kemm felħu affarijiet u damu tlett ijiem sakemm ħadu kollox, għax kien hemm ħafna. 26 Fir-rabaʼ jum inġabru flimkien fil-Wied* taʼ Beraka biex ifaħħru* lil Ġeħova. Huwa għalhekk li dak il-post semmewh il-Wied taʼ Beraka* sal-lum.
27 Imbagħad l-irġiel kollha taʼ Ġuda u taʼ Ġerusalemm reġgħu lura Ġerusalemm ferħanin b’Ġeħosafat quddiemhom, għax Ġeħova kien għenhom jirbħu lill-għedewwa tagħhom. 28 Għalhekk, daħlu Ġerusalemm bl-istrumenti tal-korda, bl-arpi, u bit-trumbetti u marru lejn id-dar taʼ Ġeħova. 29 U Alla ġiegħel lis-saltniet kollha tal-art jibżgħu minnu meta semgħu li Ġeħova kien iġġieled kontra l-għedewwa t’Iżrael. 30 B’hekk, is-saltna taʼ Ġeħosafat ma kellhiex tfixkil, u l-Alla tiegħu kompla jagħtih il-mistrieħ mill-għedewwa kollha taʼ madwaru.
31 U Ġeħosafat baqaʼ jmexxi fuq Ġuda. Hu kellu 35 sena meta sar re, u mexxa 25 sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Għażuba bint Silħi. 32 Hu baqaʼ jaġixxi bħal missieru Asa u għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova. 33 Imma l-postijiet għall-qima ma tneħħewx, u n-nies kienu għadhom mhumiex determinati f’qalbhom li jaqdu lill-Alla taʼ missirijiethom.
34 Il-bqija tal-istorja kollha taʼ Ġeħosafat hi miktuba fost il-kliem taʼ Ġeħu bin Ħanani, li kien parti mill-Ktieb tar-Rejiet t’Iżrael. 35 Wara dan, ir-Re Ġeħosafat taʼ Ġuda sar ħabib mar-Re Aħażija t’Iżrael, li għamel dak li hu ħażin. 36 Għalhekk, it-tnejn li huma bdew jibnu vapuri flimkien ħalli jmorru Tarsis, u l-vapuri bnewhom f’Għesjon-geber. 37 Madankollu, Eligħeżer bin Dodawaħu minn Maresa tkellem b’mod profetiku kontra Ġeħosafat billi qal: “Talli sseħibt m’Aħażija, Ġeħova se jeqred ix-xogħol tiegħek.” Għalhekk, il-vapuri tfarrku u ma setgħux imorru Tarsis.