L-Ittra taʼ Ġakbu
5 Intom is-sinjuri, isimgħu u ibku fuq li tibku minħabba l-inkwiet kbir li ġej fuqkom. 2 Il-ġid tagħkom tħassar u l-ħwejjeġ tagħkom kilithom il-kamla. 3 Id-deheb u l-fidda tagħkom issaddu, u s-sadid tagħhom se jkun xhieda kontrikom u se jiblagħkom. Dak li rfajtu se jsir bħal nar fl-aħħar jiem. 4 Il-ħaddiema li ħasdu l-għelieqi tagħkom jibqgħu jgħajtu għax ma tajtuhomx il-paga, u t-talb tal-ħassada għall-għajnuna wasal għand Ġeħova* tal-armati. 5 Intom għextu fil-lussu u għamiltu kulma xtaqtu. Kiltu u ħxintu bħal annimal għal jum il-qatla. 6 Intom ikkundannajtu u qtiltu lill-ġust.* Għalhekk hu* qed jiħodha kontrikom.
7 Aħwa, kunu paċenzjużi sakemm jerġaʼ lura l-Mulej. Aħsbu f’bidwi: hu jibqaʼ jistenna bil-paċenzja għall-prodott prezzjuż tal-art sakemm tagħmel l-ewwel u l-aħħar xita. 8 Anki intom uru paċenzja. Kunu determinati, għax il-Mulej daqt jiġi.
9 Aħwa, tgergrux* kontra xulxin ħalli ma tiġux iġġudikati. L-Imħallef kważi wasal.* 10 Aħwa, kunu bħall-profeti li tkellmu f’isem Ġeħova.* Huma batew b’mod inġust u ssaportew bil-paċenzja. 11 Lil dawk li ssaportew, aħna nqisuhom ferħanin.* Intom tafu kemm issaporta Ġob u smajtu kif Ġeħova* bierku, għax Ġeħova* jħobb ħafna* u ħanin.
12 Ħuti, fuq kollox tibqgħux taħilfu, la bis-sema, la bl-art, u lanqas b’xi ħaġa oħra. Imma ħallu “l-Iva” tfisser iva, u “l-Le,” le, ħalli Alla ma jiġġudikakomx.
13 Jekk hemm xi ħadd minnkom li qed ibati minħabba d-diffikultajiet, ħa jkompli jitlob. Jekk hemm xi ħadd ferħan, ħa jkanta s-salmi. 14 Jekk hemm xi ħadd marid fostkom, ħa jkellem lill-anzjani tal-kongregazzjoni, u dawn jitolbu għalih u jidilkuh biż-żejt f’isem Ġeħova.* 15 U t-talb li jgħidu bil-fidi se jfejjaq lill-marid,* u Ġeħova* se jerġaʼ jsaħħu. Ukoll, jekk ikun għamel xi dnubiet, Alla se jaħfirlu.
16 Għalhekk, ammettu d-dnubiet tagħkom ma’ xulxin u itolbu għal xulxin biex tfiqu. It-talb bil-ħniena tal-ġust hu t’għajnuna kbira.* 17 Elija kellu sentimenti bħal tagħna, imma meta talab bil-ħniena biex ma tagħmilx xita, m’għamlitx xita għal tliet snin u nofs. 18 Imbagħad reġaʼ talab, u għamlet ix-xita, u l-art tat il-prodott tagħha.
19 Ħuti, jekk xi ħadd fostkom jitlaq il-verità u ħaddieħor jgħinu jiġi lura, 20 kunu afu li dak li jgħinu jdur lura mill-iżbalji li kien qed jagħmel ikun qed isalvah* mill-mewt u jgħinu biex jinħafrulu d-dnubiet.