L-Aħbar Tajba Skont Luqa
5 Darba minnhom, Ġesù kien qiegħed ħdejn l-għadira taʼ Ġennesaret* u kien hemm folla tisimgħu jgħallem il-kelma t’Alla u bdiet tross fuqu. 2 U hu ra żewġ dgħajjes max-xatt tal-għadira, imma s-sajjieda kienu niżlu minnhom u kienu qed jaħslu x-xbieki. 3 Hu telaʼ f’waħda minnhom, li kienet taʼ Xmun, u talbu biex jaqlaʼ ftit ’il barra. Imbagħad poġġa bilqiegħda u beda jgħallem lill-folol mid-dgħajsa. 4 Meta waqaf ikellem lill-folol, hu qal lil Xmun: “Oħroġ ’il barra fejn hemm il-fond, u itfgħu x-xbieki tagħkom ħalli taqbdu l-ħut.” 5 Imma Xmun wieġbu: “Għalliem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn, imma la qed tgħidli int, nitfagħhom.” 6 Meta għamlu hekk, huma qabdu ammont kbir taʼ ħut. Fil-fatt, ix-xbieki bdew jitqattgħu. 7 Għalhekk, għamlu sinjal lil sħabhom fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom, u dawn tant tellgħu ħut fid-dgħajjes li bdew jegħrqu. 8 Malli ra dan, Xmun Pietru niżel għarkupptejh quddiem Ġesù u qallu: “Tiġix viċin tiegħi, Mulej, għax jien raġel midneb.”* 9 Għax hu u dawk li kienu miegħu baqgħu mistagħġbin b’kemm qabdu ħut. 10 Anki Ġakbu u Ġwanni, it-tfal taʼ Żebedew, li kienu sħab Xmun baqgħu mistagħġbin. Imma Ġesù qal lil Xmun: “Tibqax tibżaʼ. Minn issa ’l quddiem int se taqbad nies ħajjin.” 11 Għalhekk, daħħlu d-dgħajjes lejn l-art, telqu kollox, u marru warajh.
12 Darb’oħra, waqt li kien f’waħda mill-bliet, kien hemm raġel mimli bil-ġdiem. Malli ra lil Ġesù, hu niżel wiċċu fl-art u talbu bil-ħniena: “Mulej, naf li jekk tixtieq tistaʼ tfejjaqni.” 13 Ġesù messu u qallu: “Iva nixtieq. Fiq.” U l-ġdiem telaq mill-ewwel. 14 Imbagħad ikkmandah biex ma jgħid lil ħadd u qallu: “Imma mur għand il-qassis biex jarak, u agħmel offerta bħalma kkmanda Mosè biex turi li int nadif.” 15 Imma l-aħbar dwaru baqgħet tinxtered, u folol kbar kienu jinġabru biex jisimgħuh u biex ifiqu mill-mard li kellhom. 16 Madankollu, hu spiss kien imur f’postijiet għall-kwiet biex jitlob.
17 Darba minnhom kien qed jgħallem u bilqiegħda kien hemm xi Fariżej u għalliema tal-Liġi li kienu ġew minn kull raħal tal-Galilija u l-Lhudija u minn Ġerusalemm. U Ġeħova* kien tah il-qawwa biex ifejjaq lin-nies. 18 Hemmhekk kien hemm xi rġiel iġorru raġel ipparalizzat fuq sodda u kienu qed jipprovaw idaħħluh ħdejn Ġesù. 19 Peress li ma setgħux idaħħluh minħabba l-folla, huma telgħu fuq il-bejt u niżżluh quddiem Ġesù minn fetħa li għamlu fis-saqaf. 20 Meta ra l-fidi li kellhom, hu qal lir-raġel: “Id-dnubiet tiegħek ġew maħfurin.” 21 Imbagħad l-iskribi u l-Fariżej bdew jirraġunaw u jgħidu: “Min hu dan biex qed jidgħi? Min jistaʼ jaħfer id-dnubiet ħlief Alla?” 22 Imma Ġesù, peress li kien jaf x’qed jaħsbu, qalilhom: “Għala qed tirraġunaw b’dan il-mod? 23 X’inhu l-eħfef, li tgħid, ‘Dnubietek ġew maħfurin,’ jew li tgħid, ‘Qum u imxi’? 24 Jien, Bin il-bniedem, se nurikom li għandi l-awtorità li naħfer id-dnubiet fuq l-art.” Għalhekk, qal lir-raġel ipparalizzat: “Qum, erfaʼ s-sodda, u mur lejn id-dar tiegħek.” 25 B’hekk, hu qam quddiemhom, refaʼ s-sodda li kien fuqha, u mar id-dar ifaħħar lil Alla. 26 Imbagħad ilkoll kemm huma baqgħu mbellhin u bdew ifaħħru lil Alla. Huma stagħġbu u qalu: “Veru rajna affarijiet sbieħ illum!”
27 Imbagħad Ġesù ħareġ u ra wieħed li jiġbor it-taxxi jismu Levi bilqiegħda fl-uffiċċju tat-taxxi u qallu: “Kun dixxiplu tiegħi.” 28 Dan qam, telaq kollox, u mar warajh. 29 Imbagħad Levi għamillu festa kbira fid-dar tiegħu. Jieklu magħhom kien hemm ħafna wħud li jiġbru t-taxxi u oħrajn. 30 Minħabba f’hekk, il-Fariżej u l-iskribi bdew igergru mad-dixxipli tiegħu u jgħidu: “Għala tieklu u tixorbu maʼ dawk li jiġbru t-taxxi u l-midinbin?” 31 Ġesù wiġibhom: “Dawk li huma f’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib, imma dawk li huma morda iva. 32 Jien ma ġejtx biex ngħin lin-nies tajbin jindmu, imma lill-midinbin.”
33 Qalulu: “Id-dixxipli taʼ Ġwanni jsumu taʼ spiss u jitolbu bil-ħniena. Anki d-dixxipli tal-Fariżej hekk jagħmlu, imma tiegħek jieklu u jixorbu.” 34 Ġesù qalilhom: “Ma tistgħux iġġiegħlu lill-ħbieb tal-għarus isumu waqt li hu jkun magħhom, hux hekk? 35 Iżda se jiġi żmien meta l-għarus jittieħed minn magħhom, imbagħad huma jsumu.”
36 Hu tahom ukoll dan l-eżempju: “Ħadd ma jaqtaʼ biċċa drapp minn libsa ġdida biex isewwi libsa qadima. Jekk jagħmel hekk, il-biċċa drapp mil-libsa l-ġdida ċċarrat il-qadima u ma taqbilx magħha. 37 Ukoll, ħadd ma jitfaʼ nbid ġdid fi fliexken tal-ġilda qodma. Jekk jagħmel hekk, l-inbid ġdid jifqagħhom u jinħela u l-fliexken tal-ġilda ma jibqgħux tajbin. 38 Għalhekk, inbid ġdid għandu jitqiegħed fi fliexken tal-ġilda ġodda. 39 Ħadd ma jkun irid jixrob inbid ġdid jekk ikun daq il-qadim, għax jgħid, ‘Il-qadim tajjeb.’”