Ġeremija
32 Jien, Ġeremija, irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova fl-għaxar sena tat-tmexxija tar-Re Sedekija taʼ Ġuda, jiġifieri fit-18-il sena tat-tmexxija taʼ Nebukadnessar. 2 F’dak iż-żmien, l-armati tar-re taʼ Babilonja kienu qed jassedjaw lil Ġerusalemm, u jien, il-profeta Ġeremija, kont arrestat fil-Bitħa tal-Għassa fil-palazz tar-re taʼ Ġuda. 3 Għax ir-Re Sedekija taʼ Ġuda kien arrestani u qalli: “Għala qed tipprofetizza b’dan il-mod? Int tgħid, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Jien se nagħti din il-belt f’idejn ir-re taʼ Babilonja, u hu se jirbaħha, 4 u li r-Re Sedekija taʼ Ġuda mhux se jeħlisha mill-Kaldin, għax żgur se jingħata f’idejn ir-re taʼ Babilonja u se jkellmu wiċċ imb wiċċ.”’ 5 Ġeħova jgħid: ‘Hu se jieħu lil Sedekija f’Babilonja, u se jibqaʼ hemm sakemm niftakar fih. Għalkemm se tkompli tiġġieled kontra l-Kaldin, m’intix se tirnexxi.’”
6 “Jien, Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova, 7 ‘Ġej Ħanamel bin zijuk* Sallum u se jgħidlek: “Ixtri mingħandi l-għalqa li qiegħda f’Għanatot, għax int għandek l-ewwel dritt biex tixtriha.”’”
8 Bħalma qalli Ġeħova, ġie kuġinuwi Ħanamel fil-Bitħa tal-Għassa, u qalli: “Jekk jogħġbok, ixtri l-għalqa tiegħi li għandi f’Għanatot, fl-art taʼ Benjamin, għax int għandek id-dritt li tiħodha u tixtriha. Ixtriha int.” U għal dan jien fhimt li kien Ġeħova li riedni nagħmel hekk.
9 Allura xtrajt l-għalqa f’Għanatot mingħand il-kuġin tiegħi Ħanamel. Jien wiżintlu l-flus: sebaʼ xwiekel* u għaxar biċċiet tal-fidda. 10 Imbagħad ktibt kuntratt, waħħaltlu s-siġill, sejjaħt ix-xhieda, u wiżint il-flus fil-miżien. 11 Jien ħadt il-kuntratt tax-xiri, li ssiġillajt skont il-kmandament u l-ħtiġijiet legali, kif ukoll il-wieħed li ħallejt mhux issiġillat, 12 u tajt il-kuntratt tax-xiri lil Baruk bin Nerija u n-neputi taʼ Maħseja quddiem il-kuġin tiegħi Ħanamel, ix-xhieda li ffirmaw fil-kuntratt tax-xiri, u l-Lhud kollha li kienu bilqiegħda fil-Bitħa tal-Għassa.
13 Quddiemhom ikkmandajt lil Baruk u għedtlu: 14 “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘Ħu dawn il-kuntratti, il-kuntratt tax-xiri, il-wieħed siġillat u l-wieħed li mhuwiex, u poġġihom f’reċipjent tal-fuħħar biex jibqgħu għal żmien twil.’ 15 Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘F’dan il-pajjiż se jerġgħu jinxtraw djar, għelieqi, u għelieqi tad-dwieli.’”
16 Wara li tajt il-kuntratt tax-xiri lil Baruk bin Nerija, jien tlabt lil Ġeħova u għedtlu: 17 “Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,* int għamilt is-sema u l-art bil-qawwa kbira tiegħek u bl-id b’saħħitha tiegħek. Xejn mhu diffiċli wisq għalik, 18 int li turi mħabba u lealtà* mal-eluf, imma tħalli t-tfal iħallsu l-iżball tal-missirijiet, l-Alla l-veru, il-Wieħed kbir u b’saħħtu, li ismek hu Ġeħova tal-armati. 19 Il-pariri tiegħek huma tal-għaġeb* u taġixxi b’qawwa kbira. Int tara kulma jagħmlu l-bnedmin kollha, u tagħti lil kull wieħed skont kif jaġixxi u dak li jagħmel. 20 Int għamilt sinjali u mirakli kbar fl-art tal-Eġittu, li għadhom magħrufin sal-lum, u b’hekk għamilt isem għalik innifsek f’Iżrael u fost il-bnedmin, bħalma hu llum. 21 U int ħriġt lill-poplu t’Iżrael mill-art tal-Eġittu b’sinjali, b’mirakli, b’qawwa kbira, b’id b’saħħitha, u b’affarijiet tat-twerwir.
22 “Maż-żmien, int tajthom din l-art li ħlift lil missirijiethom, art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel. 23 U huma daħlu u ħaduha f’idejhom, imma m’obdewx minn dak li għedtilhom u m’għamlux skont il-liġi tiegħek. M’għamlu xejn minn dak li kkmandajthom, b’hekk ġibt dan id-diżastru kollu fuqhom. 24 Ġew irġiel u għamlu rampa għall-assedju biex jieħdu l-belt, u minħabba x-xabla, il-ġuħ, u l-mard,* il-belt żgur li se taqaʼ f’idejn il-Kaldin li qed jiġġieldu kontriha. Bħalma qed tara, dak li għedt kollu seħħ. 25 Imma għalkemm il-belt żgur se tingħata f’idejn il-Kaldin, int, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, għedtli biex nixtri l-għalqa u ngħajjat ix-xhieda.”
26 Għal dan, Ġeħova qalli: 27 “Jien, Ġeħova, l-Alla tan-nies kollha. Hemm xi ħaġa diffiċli wisq għalija? 28 Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova, ‘Jien qed nagħti din il-belt lill-Kaldin u f’idejn ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja, u hu se jirbaħha. 29 U l-Kaldin li qed jiġġieldu kontra din il-belt se jidħlu, jagħtuha n-nar, u jaħarqu lilha u d-djar li fuq il-bjut tagħhom in-nies kienu qed joffru sagrifiċċji lil Bagħal u jferrgħu l-offerti tax-xorb lil allat oħrajn biex joffenduni.’
30 “‘Għax il-poplu t’Iżrael u taʼ Ġuda, mindu kienu żgħar, għamlu biss dak li hu ħażin f’għajnejja. Il-poplu t’Iżrael baqaʼ joffendini b’dak li jagħmel,’ jgħid Ġeħova. 31 ‘Minn dakinhar li bnewha sal-lum, din il-belt kienet biss xi ħaġa li ġġegħelni nirrabja ħafna, għalhekk se nneħħiha minn quddiem għajnejja, 32 minħabba l-ħażen kollu li l-poplu t’Iżrael u taʼ Ġuda għamlu biex joffenduni. Huma, ir-rejiet, il-prinċpijiet, il-qassisin, il-profeti, u n-nies taʼ Ġuda u dawk li joqogħdu Ġerusalemm irrabjawni. 33 Huma baqgħu jagħtuni daharhom. Għalkemm ippruvajt ngħallimhom għal darba wara l-oħra, ħadd minnhom ma ried jaċċetta d-dixxiplina. 34 Huma poġġew l-idoli moqżieża tagħhom fid-dar li tissejjaħ b’ismi biex iniġġsuha. 35 Iktar minn hekk, huma ġiegħlu lil Ġuda jidneb billi bnew il-postijiet għoljin għal Bagħal fil-Wied taʼ Bin Ħinnom,* biex jaħarqu lis-subien u l-bniet tagħhom fin-nar għal Molek. Din kienet xi ħaġa li jien ma kkmandajthomx u li lanqas qatt m’għaddietli minn moħħi li jagħmlu xi ħaġa li tant nobgħod.’
36 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova l-Alla t’Iżrael dwar il-belt li intom qed tgħidu li se tingħata f’idejn ir-re taʼ Babilonja bix-xabla, bil-ġuħ, u bil-mard, 37 ‘Jien se niġborhom flimkien mill-artijiet kollha li xerridthom meta kont irrabjat, inkorlat, u f’dagħdigħa, u se nġibhom lura f’dan il-post u nħallihom jgħixu b’moħħhom mistrieħ. 38 U huma jkunu l-poplu tiegħi, u jien l-Alla tagħhom. 39 U għall-ġid tagħhom stess u għat-tfal tagħhom li jiġu warajhom, jien se nagħtihom qalb waħda u triq waħda ħalli huma dejjem jirrispettawni ħafna.* 40 Se nagħmel patt magħhom għal dejjem, li nibqaʼ nagħmlilhom dak li hu tajjeb. Se nqiegħed il-biżaʼ tiegħi f’qalbhom ħalli ma jitbegħdux minni. 41 Se nieħu pjaċir nagħmlilhom il-ġid. Se nqegħedhom għal dejjem f’dan il-pajjiż b’qalbi kollha u b’ruħi* kollha.’”
42 “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Bħalma ġibt fuq dan il-poplu dan id-diżastru kbir, hekk se nagħtihom l-affarijiet tajbin kollha li qed inwegħedhom. 43 U f’dal-pajjiż se jerġgħu jinxtraw l-għelieqi, għalkemm intom qed tgħidu: “Hija art abbandunata mingħajr nies u annimali, u ngħatat f’idejn il-Kaldin.”’
44 “‘L-għelieqi se jinxtraw bil-flus, il-kuntratti tax-xiri se jiġu miktubin u ssiġillati, u se jissejħu x-xhieda fl-art taʼ Benjamin, fl-inħawi taʼ madwar Ġerusalemm, fil-bliet taʼ Ġuda, fil-bliet tar-reġjun muntanjuż, fil-bliet tal-għoljiet, u fil-bliet tan-Nofsinhar, għax jien se nerġaʼ nġib lura lill-eżiljati,’ jgħid Ġeħova.”