L-Aħbar Tajba Skont Luqa
1 Ħafna nies għamlu sforz biex jinvestigaw l-affarijiet kollha li ġraw u biex jiktbuhom. Dawn il-ġrajjiet aħna nemmnuhom mingħajr ma niddubitaw. 2 Dak li kitbu jaqbel maʼ dak li smajna minn uħud li raw b’għajnejhom stess u minn dawk li jxandru l-messaġġ t’Alla. 3 L-eċċellenza tiegħek Teofilu, jien ukoll deċiż li niktiblek dawn l-affarijiet skont kif ġraw, għax jien fittixt il-fatti kollha mill-bidu u sibt informazzjoni eżatta. 4 Għamilt dan sabiex int tkun ċert li l-affarijiet li qalulek huma veri.
5 Fi żmien Erodi,* ir-re tal-Lhudija, kien hemm qassis jismu Żakkarija li kien minn grupp taʼ qassisin imsemmi għal Abija. Il-mara tiegħu kien jisimha Eliżabetta u kienet tiġi minn Aron. 6 It-tnejn li huma kienu ġusti f’għajnejn Alla għax kienu jobdu għalkollox il-kmandamenti u l-liġijiet kollha taʼ Ġeħova.* 7 Imma ma kellhomx tfal, għax Eliżabetta ma setax ikollha u t-tnejn kienu mdaħħlin sew fiż-żmien.
8 Żakkarija kien qed jaqdi bħala qassis quddiem Alla għax kien imiss il-grupp tiegħu biex jaqdi fit-tempju. 9 Skont id-drawwa tal-qassisin kien imiss lilu biex jidħol fit-tempju taʼ Ġeħova* u joffri l-inċens. 10 Dak il-ħin, il-poplu kollu kien qiegħed barra jitlob. 11 U lil Żakkarija deherlu l-anġlu taʼ Ġeħova* fuq in-naħa tal-lemin tal-artal tal-inċens. 12 Imma kif rah, tħawwad u tgħidx kemm beżaʼ. 13 Madankollu, l-anġlu qallu: “Tibżax Żakkarija, għax it-talb bil-ħniena* tiegħek instemaʼ, u l-mara tiegħek Eliżabetta se tagħtik iben u int għandek issemmih Ġwanni. 14 Int se tkun kuntent u vera ferħan, u ħafna se jifirħu meta jitwieled, 15 għax se jkun importanti f’għajnejn Ġeħova.* Imma hu m’għandux jixrob inbid jew alkoħol ieħor, u Alla se jagħtih l-ispirtu qaddis minn qabel ma jitwieled.* 16 Hu se jgħin lil ħafna Iżraelin biex iduru lura lejn l-Alla tagħhom Ġeħova.* 17 Ukoll, hu se jmur qabel Alla bl-ispirtu u l-qawwa t’Elija, u se jagħmel qalb il-missirijiet bħal tat-tfal u se jgħin lil uħud diżubbidjenti biex jaġixxu bil-għaqal bħal uħud ġusti. Hu jagħmel dan biex Ġeħova* jkollu poplu lest li jaqdih.”
18 Żakkarija qal lill-anġlu: “Kif jistaʼ jkun dan? Jien xiħ u l-mara tiegħi mdaħħla sew fiż-żmien.” 19 L-anġlu wieġbu: “Jien Gabrijel, li dejjem naqdi quddiem Alla, u ntbgħatt biex inkellmek u nagħtik din l-aħbar tajba. 20 Imma talli m’emmintnix, mhux se tkun tistaʼ titkellem sa dakinhar li jiġru dawn l-affarijiet. Dawn se jiġru fiż-żmien magħżul.” 21 Sadanittant, in-nies baqgħu jistennew lil Żakkarija. Huma baqgħu sorpriżi li dam daqshekk fit-tempju. 22 Meta ħareġ ma setax ikellimhom, u ndunaw li kien ra dehra sopranaturali.* Hu beda jagħmlilhom is-sinjali, imma ma setax ikellimhom. 23 Meta għaddew il-ġranet li kellu jaqdi fit-tempju,* hu mar id-dar.
24 Ftit żmien wara, martu Eliżabetta ħarġet tqila u baqgħet id-dar għal ħames xhur. Hi qalet: 25 “Ġeħova* ta kasi u neħħa d-diżunur minn fuqi. Hu għamel dan għalija.”
26 Meta kellha sitt xhur tqala, Alla bagħat lill-anġlu Gabrijel f’Nazaret, belt fil-Galilija, 27 għand verġni jisimha Marija. Hi kienet għarusa* lil raġel jismu Ġużeppi li kien jiġi mill-familja taʼ David. 28 Meta l-anġlu daħal, qalilha: “Il-paċi miegħek. Ġeħova* hu kuntent ħafna bik Marija, u qed ibierkek.” 29 Imma hi baqgħet skantata b’dak li qalilha u pprovat tifhem għala kien qed jgħidilha dan il-kliem. 30 Għalhekk, l-anġlu qalilha: “Tibżax Marija, għax Alla hu kuntent bik. 31 Int se toħroġ tqila u se jkollok tifel u għandek issemmih Ġesù. 32 Hu se jkun importanti u se jkun magħruf bħala Bin l-Iktar Għoli, u Alla Ġeħova* se jagħtih it-tron tal-antenat tiegħu* David. 33 Hu jmexxi bħala Re fuq dar Ġakobb għal dejjem, u s-Saltna tiegħu ma tispiċċa qatt.”
34 Imma Marija qalet lill-anġlu: “Kif jistaʼ jkun, ladarba mhux qed ikolli relazzjonijiet sesswali?” 35 L-anġlu wiġibha: “L-ispirtu qaddis se jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Iktar Għoli se tipproteġik. Hu għalhekk li t-tifel se jkun qaddis u l-Iben t’Alla. 36 U Eliżabetta, li tiġi minnek, ukoll hi tqila. Hi għandha sitt xhur tqala avolja n-nies kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, 37 għax għal Alla xejn mhu impossibbli.” 38 Imbagħad Marija qalet: “Jien l-ilsira taʼ Ġeħova!* Jalla jsir dak li għedt.” Imbagħad l-anġlu telaq minn ħdejha.
39 Wara dan, Marija marret malajr f’belt f’Ġuda, fil-pajjiż muntanjuż, 40 u daħlet fid-dar taʼ Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. 41 Malli Eliżabetta semgħet lil Marija, ħasset it-tarbija tiċċaqlaq f’żaqqha u Alla bagħat l-ispirtu qaddis fuq Eliżabetta, 42 u qalet b’leħen għoli: “Int l-iktar mara mbierka fost in-nisa, u mbierek hu t-tifel li se jkollok! 43 Hu privileġġ għalija li int, omm il-Mulej tiegħi, ġejt iżżurni! 44 Malli smajt leħnek, it-tarbija f’żaqqi qabżet bil-ferħ. 45 Ferħana int li emmint dawn l-affarijiet, għax dak li wiegħdek Ġeħova* se jiġri.”
46 U Marija qalet: “Jien* se nfaħħar lil Ġeħova.* 47 Jien nifraħ minħabba dak li għamel miegħi l-Alla tiegħi li Jsalvani, 48 għax hu nnotani, avolja jien, l-ilsira tiegħu, m’jien xejn. Minn issa ’l quddiem, il-ġenerazzjonijiet kollha se jgħidu li jien imbierka, 49 għax l-Alla b’saħħtu għamel affarijiet kbar għalija, u ismu hu qaddis. 50 Hu dejjem juri l-ħniena maʼ dawk li jirrispettawh ħafna.* 51 Hu għamel dan kollu bl-id b’saħħitha tiegħu. Hu xerred lis-suppervi, 52 u neħħa lin-nies taʼ pożizzjoni għolja minn fuq it-tron u onora lil dawk taʼ pożizzjoni baxxa. 53 Hu xebbaʼ lil dawk li huma bil-ġuħ b’affarijiet tajbin u lis-sinjuri bagħathom ’l hemm b’idhom vojta. 54 Hu qabeż għall-qaddejja tiegħu l-Iżraelin, u b’hekk wera li ftakar fil-wegħda tiegħu. 55 Hu wiegħed li se juri ħniena m’Abraham u mad-dixxendenti tiegħu għal dejjem. Hekk qalilhom lill-antenati tagħna.” 56 Marija qagħdet m’Eliżabetta għal madwar tliet xhur u mbagħad marret lura d-dar.
57 Eliżabetta kienet waslet biex twelled, u kellha tifel. 58 Il-ġirien u dawk li jiġu minnha semgħu li Ġeħova* kien urieha ħniena kbira u marru jifirħu magħha. 59 U fit-tmien ġurnata, meta t-tifel kien se jiġi ċirkonċiż, huma marru u kienu se jsemmu lit-tifel għal missieru Żakkarija. 60 Imma ommu qalet: “Le! Hu se jissemma Ġwanni.” 61 Huma qalulha: “M’hemm ħadd li jiġi minnkom li jismu hekk.” 62 Imbagħad staqsew lil missieru permezz tas-sinjali x’ried li jsemmih. 63 Għalhekk talabhom biċċa njama u fuqha kiteb: “Ġwanni.” U baqgħu mbellhin. 64 Dak il-ħin Żakkarija reġaʼ beda jitkellem u beda jfaħħar lil Alla. 65 U dawk kollha li jgħixu f’dawk l-inħawi baqgħu mbellhin. U n-nies bdew jitkellmu dwar dan fil-pajjiż muntanjuż kollu tal-Lhudija. 66 Kull min semaʼ dan, ħaseb dwaru u qal bejnu u bejn ruħu: “X’se jagħmel dan it-tifel meta jikber?” Għax huma setgħu jaraw li Ġeħova* kien miegħu.
67 Imbagħad Żakkarija ngħata l-ispirtu qaddis mingħand Alla, u beda jipprofetizza u qal: 68 “Ħa jiġi mfaħħar Ġeħova,* l-Alla t’Iżrael, għax hu ta kas in-nies tiegħu u ħelishom. 69 Hu tana lil xi ħadd b’saħħtu* biex isalvana, li jiġi mill-familja tal-qaddej tiegħu David. 70 Dan jaqbel maʼ dak li qal permezz tal-profeti leali taʼ żmien twil ilu. 71 Hu wiegħed li se jsalvana mill-għedewwa tagħna u minn dawk li jobogħduna, 72 u hu se jagħmel bħalma qal lill-antenati tagħna u juri ħniena man-nies. Hu se jiftakar fil-patt qaddis tiegħu, 73 jiġifieri dak li ħalef lil Abraham l-antenat tagħna. 74 Wara li Alla jsalvana mill-għedewwa tagħna, hu se jħallina nqimuh bla biżaʼ. 75 B’hekk, inkunu leali u nagħmlu dak li hu tajjeb għal ħajjitna kollha. 76 Imma int, ibni, se tkun profeta tal-Iktar Għoli, għax int se tmur qabel Ġeħova* biex tippreparalu t-triq 77 u tagħti l-messaġġ lin-nies li Alla se jsalvahom billi jaħfrilhom dnubiethom. 78 Alla se jagħmel dan għax hu ħanin ħafna. Il-ħniena tiegħu mis-sema se tiddi fuqna bħax-xemx tielgħa, 79 biex tagħti d-dawl lil dawk li qegħdin fid-dlam u fid-dell tal-mewt, u biex tiggwidana fit-triq li twassal għall-paċi.”
80 It-tifel kiber fiżikament u spiritwalment, u hu għex fid-deżert sakemm wasal iż-żmien biex imur jipprietka lin-nies t’Iżrael.