Ġenesi
48 Xi żmien wara, lil Ġużeppi qalulu: “Missierek marid.” Malli semaʼ dan, ħa miegħu liż-żewġt itfal tiegħu Manasse u Efrajm. 2 Imbagħad lil Ġakobb qalulu: “Ibnek Ġużeppi ġie għandek.” Għalhekk, Iżrael għamel ħiltu kollha biex iqum bilqiegħda fuq is-sodda. 3 U Ġakobb qal lil Ġużeppi:
“L-Alla li Jistaʼ Kollox deherli f’Luż fl-art taʼ Kangħan u berikni. 4 U qalli, ‘Se nagħtik it-tfal u ssir ħafna u se nagħmlek missier taʼ ħafna popli u nagħti din l-art lid-dixxendenti tiegħek* biex tkun tagħhom għal dejjem.’ 5 Issa ż-żewġt itfal li twildulek fl-art tal-Eġittu, qabel ma jien ġejt għandek fl-Eġittu, huma tiegħi. Efrajm u Manasse jsiru tiegħi bħalma huma Ruben u Simegħon. 6 Imma t-tfal li se jkollok warajhom ikunu tiegħek. Huma se jirċievu parti mill-art li se jirtu ħuthom. 7 U meta jien kont ġej mill-Fiddien-aram,* Rakele mietet maġenbi fl-art taʼ Kangħan, meta kien għad baqaʼ ftit mhux ħażin biex nasal Efrata. Għalhekk dfintha fit-triq lejn Efrata, jiġifieri Betlem.”
8 Imbagħad Iżrael ra lit-tfal taʼ Ġużeppi u staqsa: “Min huma dawn?” 9 U Ġużeppi qal lil missieru: “Dawn huma t-tfal li tani Alla f’dan il-post.” U wieġbu: “Jekk jogħġbok, ressaqhom lejja ħalli nberikhom.” 10 Issa għajnejn Iżrael kienu battew bix-xjuħija u ma setax jara sew. Għalhekk Ġużeppi, ressaqhom qrib tiegħu, u hu bieshom u għannaqhom. 11 Iżrael qal lil Ġużeppi: “Qatt ma kont nimmaġina li nerġaʼ narak, imma Alla ħallieni nara lit-tfal tiegħek ukoll.” 12 Imbagħad Ġużeppi ressaqhom minn ħdejn irkopptejn Iżrael, u miel b’wiċċu sal-art.
13 Ġużeppi qabad lil Efrajm b’idu l-leminija u lil Manasse b’idu x-xellugija. Imbagħad ressaqhom viċin Iżrael u poġġa lil Efrajm fuq in-naħa tax-xellug t’Iżrael u lil Manasse fuq in-naħa tal-lemin. 14 Madankollu, Iżrael ħareġ idu l-leminija u qegħedha fuq ras Efrajm, għalkemm kien iż-żgħir, u qiegħed idu x-xellugija fuq ras Manasse. Idejh qegħedhom hekk apposta, avolja Manasse kien l-ewwel imwieled. 15 Imbagħad bierek lil Ġużeppi u qal:
“Jalla l-Alla l-veru li qdew* missirijieti Abraham u Iżakk,
Li kien ir-ragħaj tiegħi tul ħajti sal-lum,
16 U li bl-anġlu tiegħu ħelisni minn kull inkwiet, ibierek lil dawn is-subien.
Jalla permezz tagħhom jibqaʼ jissemma ismi u isem missirijieti Abraham u Iżakk.
Jalla jiżdiedu sa ma jsiru ħafna fl-art.”
17 Meta Ġużeppi ra li missieru żamm idu l-leminija fuq ras Efrajm, ma ħax pjaċir, għalhekk ipprova jaqbad id missieru biex iċaqlaqha minn fuq ras Efrajm għal fuq ras Manasse. 18 U Ġużeppi qal lil missieru: “Mhux hekk pa, għax dan hu l-ewwel imwieled. Qiegħed idek il-leminija fuq rasu.” 19 Imma missieru baqaʼ jirrifjuta u qallu: “Naf ibni, naf. Hu wkoll għad isir poplu, u hu wkoll għad isir kbir. Madankollu, ħuh iż-żgħir għad isir akbar minnu, u t-tfal tiegħu tant jiżdiedu li jsiru ħafna popli.” 20 Għalhekk, kompla jberikhom dakinhar u jgħid:
“Meta jitkellmu dwarek, l-Iżraelin ibierku lil xulxin billi jgħidu,
‘Jalla Alla jbierkek bħalma għamel lil Efrajm u Manasse.’”
B’hekk, hu baqaʼ jqiegħed lil Efrajm qabel Manasse.
21 Imbagħad Iżrael qal lil Ġużeppi: “Jien qed immut, imma Alla żgur li se jibqaʼ magħkom u jiħodkom lura lejn art missirijietkom. 22 Jien se nagħtik biċċa art* iktar minn ħutek, dik li jien ħadt minn id l-Amurrin bix-xabla u bil-qaws tiegħi.”