Ġenesi
41 Wara sentejn sħaħ, il-Fargħun ħolom li kien bilwieqfa ħdejn ix-Xmara Nil. 2 U mix-xmara telgħu sebaʼ baqriet sbieħ u mlaħħmin, u bdew jieklu mill-ħaxix tan-Nil. 3 Kien hemm sebaʼ baqriet oħrajn li telgħu warajhom mix-xmara, koroh u rqaq, u dawn qagħdu maġenb il-baqar imlaħħmin ħdejn ix-xatt tan-Nil. 4 Imbagħad il-baqar koroh u rqaq bdew jieklu lis-sebaʼ baqriet sbieħ u mlaħħmin. U l-Fargħun stenbaħ.
5 Imbagħad reġaʼ raqad u kellu t-tieni ħolma. Kien hemm sebaʼ sbuliet ħerġin minn zokk wieħed, mimlijin u sbieħ. 6 U warajhom kienu qed jikbru sebaʼ sbuliet irqaq u maħruqin bir-riħ mil-Lvant. 7 U s-sbuliet irqaq bdew jibilgħu s-sebaʼ sbuliet mimlijin u sbieħ. U l-Fargħun stenbaħ u nduna li kienet ħolma.
8 Imma filgħodu beda jħossu inkwetat. Għalhekk, bagħat għall-qassisin kollha li kienu jagħmlu l-maġija u għall-għorrief kollha tal-Eġittu. Il-Fargħun irrakkontalhom il-ħolm tiegħu, imma ma kien hemm ħadd li setaʼ jfissirhulu.
9 Imbagħad il-kap taʼ dawk li jservu x-xorb kellem lill-Fargħun u qallu: “Illum se nammetti d-dnubiet tiegħi. 10 Sidi, int kont irrabjat bil-kbir miegħi u mal-kap tal-furnara, il-qaddejja tiegħek. Għalhekk, żammejtna arrestati fil-ħabs li kien jieħu ħsiebu l-kap tal-gwardji. 11 Imbagħad, it-tnejn li aħna kellna ħolma fl-istess lejl. Il-ħolma taʼ kull wieħed minna kienet tfisser xi ħaġa. 12 U magħna kien hemm żagħżugħ Lhudi,* qaddej tal-kap tal-gwardji. Meta għednielu xi ħlomna, hu qalilna x’kienu jfissru. 13 U ġara eżatt bħalma kien fissrilna hu. Jien erġajt ingħatajt il-pożizzjoni tiegħi, imma l-ieħor ġie mdendel maʼ zokk.”
14 Għalhekk, il-Fargħun bagħat għal Ġużeppi u ġabuh malajr mill-ħabs.* Hu qaxxar xagħru u d-daqna, biddel ħwejġu, u daħal għand il-Fargħun. 15 Imbagħad il-Fargħun qal lil Ġużeppi: “Kelli ħolma, imma ħadd ma jaf ifissirha. Issa jien smajthom jgħidu li int kapaċi tismaʼ ħolma u tfissirha.” 16 Għal dan Ġużeppi wieġeb lill-Fargħun: “Hu Alla li se jagħtik messaġġ pożittiv, u mhux jien.”
17 Il-Fargħun qal lil Ġużeppi: “Fil-ħolma tiegħi, jien kont bilwieqfa fix-xatt tax-Xmara Nil. 18 U mix-Xmara Nil telgħu sebaʼ baqriet sbieħ u mlaħħmin, u bdew jieklu l-ħaxix tan-Nil. 19 U kien hemm sebaʼ baqriet oħrajn telgħin warajhom, bla saħħa, koroh ħafna, u rqaq. Koroh daqshom qatt ma rajt fl-art kollha tal-Eġittu. 20 U l-baqar li kienu għadma u ġilda u koroh bdew jieklu lis-sebaʼ baqriet imlaħħmin. 21 Imma meta kiluhom, ħadd ma setaʼ jinduna li għamlu hekk, għax baqgħu rqaq u koroh bħalma kienu qabel. U stenbaħt.
22 “Imbagħad rajt sebaʼ sbuliet ħerġin minn zokk wieħed, mimlijin u sbieħ. 23 Jikbru warajhom kien hemm sebaʼ sbuliet nexfin, irqaq, u maħruqin bir-riħ mil-Lvant. 24 Imbagħad is-sbuliet irqaq bdew jibilgħu s-sebaʼ sbuliet sbieħ. U jien għedt dan lill-qassisin li jagħmlu l-maġija, imma ma kien hemm ħadd li setaʼ jfissirhieli.”
25 Imbagħad Ġużeppi qal lill-Fargħun: “Il-ħolm tiegħek ifisser l-istess. L-Alla l-veru qallek dak li se jagħmel. 26 Is-sebaʼ baqriet tajbin huma sebaʼ snin. Bl-istess mod, is-sebaʼ sbuliet tajbin huma sebaʼ snin. Iż-żewġ ħolmiet għandhom l-istess tifsira. 27 Is-sebaʼ baqriet għadma u ġilda u koroh li telgħu warajhom huma sebaʼ snin, u s-sebaʼ sbuliet vojta, maħruqin bir-riħ mil-Lvant, se jkunu sebaʼ snin taʼ ġuħ. 28 B’hekk, sidi, bħalma għedtlek, l-Alla l-veru qed jurik dak li se jagħmel.
29 “Se jkun hemm sebaʼ snin t’abbundanza kbira fl-art kollha tal-Eġittu. 30 Imma warajhom żgur li se jkun hemm sebaʼ snin taʼ ġuħ, u l-abbundanza kollha fl-art tal-Eġittu żgur li se tintesa, u l-ġuħ se jeqred l-art. 31 U ħadd mhu se jiftakar l-abbundanza li kien hemm qabel fl-art minħabba l-ġuħ li jiġi wara, għaliex dan se jkun kbir ħafna. 32 Il-ħolma ngħatatlek darbtejn għax il-kwistjoni ġiet deċiża b’mod sod mill-Alla l-veru, u l-Alla l-veru daqt se jagħmilha.
33 “U issa fittex raġel għaqli u għaref u qiegħdu fuq l-art tal-Eġittu. 34 Ħu azzjoni u inkariga uffiċjali fil-pajjiż, u iġbor 20 fil-100 mill-prodott tal-Eġittu matul is-sebaʼ snin t’abbundanza. 35 U ħa jiġbru ċ-ċereali* matul dawn is-snin tajbin li ġejjin u jaħżnuh b’mod tajjeb fil-bliet. Dan ikun tiegħek, Fargħun. 36 L-ikel għandu jservi bħala ħażna għall-art għas-sebaʼ snin taʼ ġuħ li se jkun hemm fl-art tal-Eġittu, sabiex in-nies u l-annimali ma jmutux bil-ġuħ.”
37 Dan il-pjan deher tajjeb għall-Fargħun u l-qaddejja kollha tiegħu. 38 Għalhekk, il-Fargħun qal lill-qaddejja tiegħu: “Fejn nistgħu nsibu bniedem ieħor li fih hemm l-ispirtu t’Alla?” 39 Imbagħad il-Fargħun qal lil Ġużeppi: “Ladarba Alla ġiegħlek tkun taf dan kollu, m’hemm ħadd għaqli u għaref daqsek. 40 Int tkun fuq id-dar tiegħi, u l-poplu kollu tiegħi jobdik b’għajnejh magħluqa. Jien biss bħala r-re* nkun iktar importanti minnek.” 41 U l-Fargħun żied jgħid lil Ġużeppi: “Qed nagħtik f’idejk l-art kollha tal-Eġittu.” 42 Imbagħad il-Fargħun neħħa ċ-ċurkett tas-siġill u libbishulu* u libbsu ħwejjeġ tal-għażel fin u ġiżirana tad-deheb. 43 Barra minn hekk, hu rikkbu fit-tieni karru tar-re, sabiex in-nies jonorawh billi jgħajtu quddiemu, “Avrek!”* B’hekk, hu tah f’idejh l-art kollha tal-Eġittu.
44 Il-Fargħun qal ukoll lil Ġużeppi: “Jien il-Fargħun, imma mingħajr il-permess tiegħek, ħadd ma jistaʼ jagħmel xejn* fl-art kollha tal-Eġittu.” 45 Wara dan, il-Fargħun lil Ġużeppi semmieh Safenat-panegħa u tah b’martu lil Asenat it-tifla taʼ Potifera, il-qassis taʼ On.* U Ġużeppi beda jieħu ħsieb* l-art tal-Eġittu. 46 Ġużeppi kellu 30 sena meta beda jaqdi lill-Fargħun,* ir-re tal-Eġittu.
Imbagħad Ġużeppi ħareġ minn quddiem il-Fargħun u vvjaġġa fl-art kollha tal-Eġittu. 47 U matul is-sebaʼ snin t’abbundanza, l-art ipproduċiet ħafna. 48 U hu baqaʼ jiġbor l-ikel kollu tas-sebaʼ snin mill-art tal-Eġittu u kien jerfgħu fil-bliet. F’kull belt kien jerfaʼ l-ikel mill-għelieqi taʼ madwarha. 49 U Ġużeppi kompla jerfaʼ kwantità kbira ħafna taʼ ċereali, daqs ir-ramel tal-baħar, sakemm fl-aħħar qatgħu qalbhom jiżnuh għax kien impossibbli jintiżen kollu.
50 U qabel ma waslet is-sena tal-ġuħ, Ġużeppi kellu żewġ subien minn Asenat it-tifla taʼ Potifera, il-qassis taʼ On.* 51 Ġużeppi semma lill-ewwel tifel Manasse* għax qal, “Alla nessieni l-inkwiet kollu tiegħi u d-dar kollha taʼ missieri.” 52 U lit-tieni wieħed semmieh Efrajm* għax qal, “Alla tani t-tfal f’art li batejt fiha.”
53 U s-sebaʼ snin t’abbundanza fl-art tal-Eġittu spiċċaw, 54 u bdew is-sebaʼ snin taʼ ġuħ, bħalma kien qal Ġużeppi. Il-ġuħ infirex fl-artijiet kollha, imma fl-art kollha tal-Eġittu kien hemm l-ikel.* 55 Fl-aħħar, l-art kollha tal-Eġittu batiet il-ġuħ u n-nies bdew jibkulu għall-ikel* lill-Fargħun. Imbagħad il-Fargħun qal lill-Eġizzjani kollha: “Morru għand Ġużeppi u agħmlu kulma jgħidilkom.” 56 U kien hemm il-ġuħ fl-art kollha. U Ġużeppi beda jiftaħ l-imħażen kollha li kien hemm f’nofshom u jbigħ iċ-ċereali lill-Eġizzjani, għax kien hemm ġuħ kbir fl-art tal-Eġittu. 57 Barra minn hekk, nies mill-art kollha marru l-Eġittu biex jixtru mingħand Ġużeppi, għax kien hemm ġuħ kbir fl-art kollha.