Ester
1 Dan hu r-rakkont taʼ dak li ġara fi żmien Aħasweru* li kien imexxi fuq 127 provinċja,* mill-Indja sal-Etjopja.* 2 Ir-Re Aħasweru kien qed imexxi mill-palazz* taʼ Susan.* 3 Fit-tielet sena tat-tmexxija tiegħu, hu għamel ikla kbira għall-mexxejja u l-uffiċjali kollha tiegħu. Għall-ikla marru l-armata tal-Persja u l-Medja, in-nobbli, u l-gvernaturi tal-provinċji. 4 Għal 180 ġurnata, hu wriehom il-ġid tas-saltna kbira tiegħu u l-qawwa kbira u l-unur li kellu. 5 Wara dan iż-żmien, ir-re għamel ikla kbira għal sebat ijiem għan-nies kollha li kien hemm fiċ-ċittadella* taʼ Susan,* kemm għan-nies importanti u kemm għal dawk komuni. Din l-ikla għamilha fil-bitħa tal-ġnien tal-palazz tiegħu. 6 Il-bitħa kienet imżejna b’purtieri bojod u blu marbutin bi ħbula magħmulin minn drapp abjad u suf vjola. Dawn kienu mdendlin b’ħoloq tal-fidda mwaħħlin maʼ kolonni tal-irħam. Kien hemm ukoll sufani tad-deheb u tal-fidda fuq art magħmula minn ġebel aħmar li jgħidulu porfirju, minn irħam abjad, minn ġebel qisu perli, u minn irħam iswed.
7 L-inbid ġie servut f’tazzi tad-deheb, u kull tazza kienet differenti. L-inbid tar-re kien abbundanti, bħalma hu biss setaʼ jipprovdi. 8 Ir-regola dwar ix-xorb kienet li ħadd ma kien sforzat jixrob, għax ir-re kien qal lill-uffiċjali tal-palazz tiegħu li kull wieħed għandu jagħmel kif jogħġbu.
9 Ir-Reġina Vasti wkoll għamlet ikla kbira. Hi stiednet lin-nisa fil-palazz tar-Re Aħasweru.
10 Fis-sebaʼ jum, meta r-Re Aħasweru kien f’burdata tajba minħabba l-inbid, hu qal lil Meħuman, Biżta, Ħarbona, Bigta, Abagta, Żetar, u Karkas, is-sebaʼ uffiċjali tal-palazz li kienu l-qaddejja persunali tiegħu, 11 biex iġibulu lir-Reġina Vasti, liebsa t-turban irjali,* biex in-nies u l-gvernaturi jaraw is-sbuħija tagħha, għax hi kienet sabiħa ħafna. 12 Imma għal darba wara l-oħra, ir-Reġina Vasti m’obdietx il-kmand li r-re bagħtilha permezz tal-uffiċjali tal-palazz. Minħabba f’hekk, ir-re xejn ma ħa pjaċir u tgħidx kemm irrabja.
13 Imbagħad ir-re tkellem maʼ dawk li jagħtuh il-pariri u li kienu jafu d-drawwiet* taʼ dawk iż-żminijiet (għax f’kull kwistjoni r-re kien jitkellem maʼ dawk kollha li kienu familjari mal-liġi u maʼ każijiet legali, 14 u dawk l-iktar qrib tiegħu kienu Karsena, Setar, Admata, Tarsis, Meres, Marsena, u Memukan, sebaʼ uffiċjali taʼ pożizzjoni għolja tal-Persja u l-Medja li kienu jidħlu quddiem ir-re b’mod regolari). 15 Ir-Re Aħasweru staqsa: “Skont il-liġi x’għandu jsirilha r-Reġina Vasti talli m’obdietx il-kmand li tajtha permezz tal-uffiċjali tal-palazz?”
16 Għal dan, Memukan qal quddiem ir-re u l-mexxejja: “Ir-Reġina Vasti mhux kontrik biss għamlet dan, imma wkoll kontra l-mexxejja u n-nies kollha tal-provinċji tiegħek, Re Aħasweru. 17 Għax dak li għamlet ir-reġina se jsiru jafu bih in-nisa miżżewġin kollha, u huma se jmaqdru lill-irġiel tagħhom u jgħidu, ‘Lanqas ir-Reġina Vasti m’obdiet lir-Re Aħasweru meta kkmandaha biex tmur quddiemu.’ 18 Illum stess in-nisa tal-mexxejja tal-Persja u l-Medja li jafu dak li għamlet ir-reġina se jitkellmu dwar dan mal-irġiel tagħhom, u dan se jwassal għal nuqqas taʼ rispett u rabja. 19 Jekk jidhirlek li hu tajjeb, oħroġ liġi li ma tistax titħassar u din tiżdied mal-liġijiet tal-Persja u l-Medja. Il-liġi għandha tgħid li Vasti ma tistax terġaʼ tidħol quddiem ir-Re Aħasweru. Imbagħad agħti l-pożizzjoni tagħha taʼ reġina lil mara aħjar minnha. 20 U meta l-liġi tiegħek tinstemaʼ mas-saltna kbira kollha tiegħek, in-nisa miżżewġin kollha se jirrispettaw lill-irġiel tagħhom, kemm jekk huma importanti u kemm jekk le.”
21 Ir-re u l-mexxejja għoġobhom dan is-suġġeriment, u r-re għamel kif qal Memukan. 22 Għalhekk, ir-re bagħat ittra lil kull provinċja bl-istil tal-kitba tagħha u lil kull poplu skont il-lingwa tiegħu. L-ittra kienet tgħid li kull raġel hu l-kap* tad-dar tiegħu u dawk f’daru għandhom jitkellmu bil-lingwa tiegħu.