Neħemija
5 Madankollu, l-irġiel u n-nisa tagħhom bdew igergru ħafna kontra ħuthom il-Lhud. 2 Xi wħud bdew jgħidu: “Aħna għandna ħafna subien u bniet. M’għandniex x’nieklu. Kif se nibqgħu ngħixu?” 3 Oħrajn kienu qed jgħidu: “Aħna qed nagħtu bħala garanzija l-għelieqi, id-dwieli, u d-djar tagħna biex ikollna x’nieklu waqt li hawn nuqqas taʼ ikel.” 4 U oħrajn bdew jgħidu: “Aħna użajna l-għelieqi tagħna u d-dwieli tagħna bħala garanzija biex inħallsu t-taxxa lir-re. 5 Aħna l-istess bħal ħutna,* u t-tfal tagħna m’għandhom xejn inqas mit-tfal tagħhom. Minkejja dan, aħna se jkollna nagħtu s-subien u l-bniet tagħna bħala lsiera. Fil-fatt, xi wħud mill-bniet tagħna diġà huma lsiera, imma aħna ma nistgħu nagħmlu xejn dwar dan għax l-għelieqi u d-dwieli tagħna huma taʼ ħaddieħor.”
6 Jien irrabjajt ħafna meta smajt minn xiex qed jgħaddu. 7 Jien ħsibt sew dwar din il-problema u akkużajt lill-mexxejja u lill-uffiċjali, u għedtilhom: “Kull wieħed minnkom qed jitlob l-imgħax* mingħand ħutu.”
Minħabba f’hekk, jien ġbart lin-nies flimkien. 8 U għedtilhom: “Aħna għamilna kulma stajna biex nixtru lura lil ħutna l-Lhud li kienu mibjugħin lil popli oħra. Allura se tbigħuhom intom, u b’hekk ikollna nerġgħu nixtruhom mingħandkom biex neħilsuhom?” Meta semgħu dan ma kinux jafu x’se jaqbdu jgħidu. 9 Imbagħad jien għedt: “Dak li qed tagħmlu mhux sew. Għandkom turu rispett kbir lejn* l-Alla tagħna ħalli l-popli, li huma l-għedewwa tagħna, ma jkollhomx għal xiex jakkużawna. 10 Iktar minn hekk, jien, ħuti, u l-qaddejja tiegħi qed nisilfuhom flus u ikel mingħajr imgħax. Mela jekk jogħġobkom, tibqgħux issellfu bl-imgħax. 11 Jekk jogħġobkom, illum stess agħtuhom lura l-għelieqi, id-dwieli, l-għelieqi taż-żebbuġ, u d-djar tagħhom, kif ukoll wieħed fil-100* tal-flus, taċ-ċereali,* tal-inbid ġdid, u taż-żejt li qed titolbuhom bħala mgħax.”
12 Għal dan huma qalu: “Aħna se nagħtu lura dawn l-affarijiet u mhu se nitolbu xejn lura. Se nagħmlu eżatt kif qed tgħid.” Għalhekk, jien għajjatt lill-qassisin u ġegħelt lil dawn l-irġiel jaħilfu li se jżommu l-wegħda. 13 U wkoll jien farfart ħwejġi u għedt: “Jalla l-Alla l-veru jagħmel l-istess lil kull min ma jżommx mal-wegħda tiegħu billi jiħodlu d-dar tiegħu u kulma għandu sakemm ma jifdallu xejn.” Għal dan il-kongregazzjoni kollha qalet: “Ammen!”* Huma faħħru lil Ġeħova u għamlu bħalma wiegħdu.
14 Minn dakinhar li r-re inkarigani bħala gvernatur fl-art taʼ Ġuda, għaddew 12-il sena, mill-20 sena sat-32 sena tat-tmexxija tar-Re Artaserse. Matul dak iż-żmien, la jien u lanqas ħuti ma kilna mill-ikel dovut lill-gvernatur. 15 Imma l-gvernaturi taʼ qabli għamlulhom ħajjithom diffiċli lin-nies, u ħadulhom 40 xekel* fidda kuljum għall-ħobż u għall-inbid. Anki l-qaddejja tagħhom ħaqru lin-nies. Imma jien m’għamiltx dan, għax nirrispetta ħafna lil* Alla.
16 Iktar minn hekk, jien tajt daqqa t’id fix-xogħol li kien qed isir fis-sur, u l-qaddejja kollha tiegħi kienu qed jaħdmu hemm. Imma lanqas għalqa waħda ma ħadna. 17 Il-Lhud u l-uffiċjali li kienu jieklu mal-mejda tiegħi kienu 150. Kien ikun hemm ukoll dawk li jiġu għandna mill-popli taʼ madwarna. 18 Kuljum jien kont nipprovdi barri, sitt nagħġiet mill-aqwa, u għasafar li kienu jiġu ppreparati għalina biex nikluhom. U darba kull għaxart ijiem kont nipprovdi kull tip taʼ nbid. Minkejja dan, jien ma kontx nitlob l-ikel li kien dovut lill-gvernatur, għax in-nies kienu diġà mgħobbijin iżżejjed. 19 Għalhekk jien tlabt: “Alla tiegħi, wara dak kollu li jien għamilt għal dan il-poplu, ftakar fija u berikni.”