Għamos
1 Kliem Għamos, wieħed fost dawk li kienu jrabbu n-nagħaġ minn Tekogħa,+ li semaʼ f’viżjoni dwar Israel+ fi żmien Użżija+ s-sultan taʼ Ġuda u fi żmien Ġerobogħam+ bin Ġowas,+ is-sultan taʼ Israel, sentejn qabel it-terremot.+ 2 U hu qal:
“Ġeħova—minn Sijon se jgħajjat bħal iljun,+ u minn Ġerusalemm se jsemmaʼ leħnu;+ u l-mergħat tar-rgħajja jitnikktu, u l-quċċata tal-Karmel tinxef.”+
3 “Hekk qal Ġeħova, ‘“Minħabba tliet irvellijiet taʼ Damasku,+ minħabba erbgħa, m’iniex se rreġġaʼ dan lura, għax huma dirsu lil Gilegħad+ saħansitra b’għodod tad-dris tal-ħadid. 4 U se nibgħat nar+ fuq id-dar taʼ Ħażagħel,+ u jiblaʼ t-torrijiet mgħammrin taʼ Ben-ħadad.+ 5 Inkisser l-istaneg taʼ Damasku+ u neqred lill-abitant minn Bikat-awen, u lil dak li jżomm ix-xettru minn Bet-għeden; u n-nies tas-Sirja jiġu eżiljati f’Kir,”+ qal Ġeħova.’
6 “Hekk qal Ġeħova, ‘“Minħabba tliet irvellijiet taʼ Gaża,+ minħabba erbgħa, m’iniex se rreġġaʼ dan lura, għax huma ħadu fl-eżilju ġemgħa sħiħa t’eżiljati+ biex jagħtuhom f’idejn Edom.+ 7 Se nibgħat nar fuq is-sur taʼ Gaża,+ u jiblaʼ t-torrijiet mgħammrin tagħha. 8 U neqred lill-abitanti minn Asdod,+ u lil dak li jżomm ix-xettru minn Askelon;+ u mmidd idi+ fuq Għekron,+ u dawk li jifdal mill-Filistin jgħibu,”+ qal il-Mulej Sovran Ġeħova.’
9 “Hekk qal Ġeħova, ‘Minħabba tliet irvellijiet taʼ Tir,+ minħabba erbgħa, m’iniex se rreġġaʼ dan lura, għax huma taw ġemgħa sħiħa t’eżiljati f’idejn Edom, u għax ma ftakrux fil-patt taʼ l-aħwa.+ 10 Se nibgħat nar fuq is-sur taʼ Tir, u jiblaʼ t-torrijiet mgħammrin tagħha.’+
11 “Hekk qal Ġeħova, ‘Minħabba tliet irvellijiet t’Edom,+ minħabba erbgħa, m’iniex se rreġġaʼ dan lura, għax hu ġera wara ħuh stess bis-sejf,+ u għax aġixxa bla ħniena,+ u r-rabja tiegħu dejjem tqattaʼ l-priża tiegħu; u qilltu tħeġġeġ bla waqfien.+ 12 Se nibgħat nar f’Teman,+ u jiblaʼ t-torrijiet mgħammrin taʼ Bosra.’+
13 “Hekk qal Ġeħova, ‘“Minħabba tliet irvellijiet taʼ wlied Għammon,+ minħabba erbgħa, m’iniex se rreġġaʼ dan lura,+ għax huma jċarrtu beraħ lin-nisa tqal taʼ Gilegħad, bl-iskop li jkabbru t-territorju tagħhom stess.+ 14 Se nagħti n-nar lis-sur taʼ Rabba,+ u jiblaʼ t-torrijiet mgħammrin tagħha, b’għajta taʼ gwerra f’jum il-battalja, b’tempesta f’jum ir-riefnu.+ 15 U s-sultan tagħhom imur fl-eżilju, hu u l-prinċpijiet tiegħu flimkien,”+ qal Ġeħova.’